“Ma rridux nissejħu nies bi bżonnijiet speċjali”

Xahrejn ilu Oliver Scicluna ġie appuntat bħala Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà. Hu żgħażugħ mimli enerġija u għalkemm twieled b’diżabbiltà, dejjem iħares ’il quddiem b’mod pro-attiv biex ikun parti integrali mis-soċjetà. Ma ħalliex id-diżabbiltà xxekklu.

Oliver Scicluna
Oliver Scicluna

Għamel 10 snin jiżfen il-hiphop u attivist fix-xena tal-kultura. Waqqaf anke għaqda non-governattiva bl-isem ta’ Breaking Limits. Jgħid li t-tfajla tiegħu tgergirlu għax ma jkollhiex biżżejjed ħin miegħu minħabba li hu dejjem impenjat. Oliver jistqarr li meta jħares lura f’ħajtu, bħala tifel kien jiddejjaq meta n-nies kienu jħarsu lejh bħala persuna b’diżabbiltà. Illum aċċetta lilu nnifsu kif inhu u daħal fis-settur tad-diżabbiltà għax irid jara bidla.

Il-KNPD twaqqfet fl-1987, illum, għadek issib jew għadha teżisti diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà?
Jekk ngħid le nkun qed nigdeb. Id-diskriminazzjoni qatt mhu se tinqata’ imma jien qiegħed hawn biex innaqqasha. Mill-1987 ’l hawn saru ħafna avvanzi u dan grazzi wkoll għall-ħidma li għamlet il-kummissjoni matul is-snin. Illum aħna għandna ħafna drittijiet u dan grazzi għal ħidma li saret fil-konfront tagħna. Insemmu edukazzjoni inklussiva, supported employment u ħafna affarijiet oħra li taw dinjità lill-persuni li sa ftit snin ilu kienu jinżammu moħbija jew ’il bogħod mis-soċjetà. Irridu nkomplu naraw kif niżviluppaw il-ħiliet u kapaċitajiet li għandha kull persuna b’diżabbiltà.

“Ħares lejn il-parlament, m’hemmx persuna b’diżabbiltà”

Kien hemm perjodu fejn il-mezzi tax-xandir bdew isejħu persuni b’diżabbiltà bħala persuni bi bżonnijiet speċjali, int kif taħsibha dwar dan?
Jien ma naqbilx. Iddur dawra madwar id-dinja, u jien sena ilu kont il-United Nations, il-kelma diżabbiltà kullimkien għadha tintuża u jien m’għandix problema biha. Jien niltaqa’ ma’ ħafna nies u nassigurak li aħna ma togħġobniex li nkunu rriferuti bħala nies bi bżonnijiet speċjali. Inqatgħet il-kelma handicap u l-kelma korretta u etika hija diżabbiltà. Aħna parti mis-soċjetà u nżid li aħna wkoll għadna nagħtu sehemna biex inkunu inklużi fl-istess soċjetà u mhux ingergru jew nistennew is-soċjetà taċċettana. Bħal ma hemm persuni msejħa LGBTI aħna persuni b’diżabbiltà. Aħna rridu naħdmu lkoll flimkien u naċċettaw lil xulxin.

Oliver Scicluna ilu xahrejn bħala ċ-ċermen tal-KNPD
Oliver Scicluna ilu xahrejn bħala ċ-ċermen tal-KNPD

Wieħed mill-impenji li tisħaq u taħdem fuqu ħafna l-KNPD huwa li s-soċjetà Maltija tkun waħda inklussiva. Xi tfisser din l-inklussività għall-persuna b’diżabbiltà kif ukoll għas-soċjetà li ngħixu fiha?
L-inklussività f’pajjiżna, speċjalment l-edukazzjoni, ilhom jaħdmu fuqha sa mis-snin 90. Jien ma naqbilx li l-inklussività għandha tkun interpretata kemm inpoġġu nies fuq bord jew membru ta’ xi kumitat biex sempliċiment ngħidlu jew nidhru li qed inkunu inklussivi. Ħares lejn il-parlament, m’hemmx persuna b’diżabbiltà. F’kull lat, il-persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu hemm għax kapaċi jagħtu kontribut u mhux impoġġija f’karigi għax huma diżabbli. Li hu żgur hu, li aħna għandna nkunu minn ta’ quddiem nett mal-leġiżlatur għax ħadd daqsna ma jaf jew jifhem il-problemi li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum.

Kif tiżguraw li s-servizzi offruti mill-gvern jew l-agenziji tiegħu jinkludu persuni b’diżabbiltà?
Biex niżguraw li xi darba naslu, jrid ikun hemm il-preżenza ta’ persuni b’diżabbiltà. Illum il-ġurnata twaqqaf il-Focal Point fis-segretarjat u l-KNPD hija meqjusa bħala r-regolatur minbarra s-servizzi l-oħra li noffru. Il-Focal Point għandu diversi satellites li ġejjin minn diversi dipartimenti u Ministeri, biex kull entità jkollha persuna inkarigata mill-persuni b’diżabbiltà f’dak id-dipartiment jew Ministeru. Hekk qed ninfilzaw f’kull qasam tal-ħajja. Għadna fil-bidu imma mexjin fit-triq it-tajba.

Ikollkom ilmenti minn persuni b’diżabbiltà dwar nuqqas ta’ ksib ta’ jeddijiethom?
Iva, iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed jiżdiedu u dan hu ta’ suċċess għax ifisser li l-persuni b’diżabbiltà qed joħorġu u jintegraw kif għandhom kull dritt wara kollox.

X’tip ta’ azzjoni tista’ tieħu l-KNPD fejn ikum hemm ksur ta’ drittijiet jew jeddijiet ta’ persuni b’diżabbiltà?
Aħna dejjem nibdew billi nagħmlu l-verifiki neċessarji. Nisimgħu liż-żewġ naħat biex niżguraw li l-ilment ikun ġustifikat. Fejn l-ilment ikun ġustifikat, aħna nipproċedu billi l-ewwel nett nippruvaw insibu bilanċ u jekk ma naslux nieħdu l-passi neċessarji kif u skont ma tippermetti l-liġi f’kull każ individwali. Però l-prijorità tagħna, qabel il-Qrati, dejjem tkun li nsibu soluzzjoni u li jirbaħ is-sens komun. Li żgur mhux aċċettabbli hu li għad hemm xi kapijiet ta’ skejjel u anke kunsilli lokali, li jibqgħu jinjorawna akkost ta’ kollox. Dan mhux aċċettabli f’soċjeta ċivili bħal tagħna.

Ġieli kellkom ilmenti ta’ individwi li sofrew inġustizzja fil-post tax-xogħol minħabba d-diżabbiltà tagħhom?
Iva, kien hemm minn applika għal xogħol u ma ġiex aċċettat għax diżabbli u kien hemm anke każijiet fejn nies ġew imkeċċija minħabba d-diżabbiltà. Insemmi eżempju fejn impjegat ma’ kumpanija kbira f’Malta sofra attakk ta’ epilessija waqt il-ħin tax-xogħol. Waqt l-attakk, dan waqa’ u weġġa’. Il-fabbrika tterminatlu xogħlu wara li sar rapport lill-OHSA li din min-naħa tagħha infurmat lill-fabbrika li hi kompletament responsabbli għall-ħaddiem u dak kollu li jista’ jiġrilu. B’hekk dan il-ħaddiem ġie mkeċċi, teknikament, b’raġuni valida. Illum dan il-persuna qiegħed id-dar jiċċassa, ibati b’ansjetà għax tilef xogħlu u meqjus bħala invalidu meta bi ftit iktar raġunament seta’ nstablu xi xogħol ieħor li jagħtih dinjità minflok ikkastigat għal kundizzjoni li tagħha m’għandu ebda ħtija.

X’inhu r-rwol tal-KNPD fejn tidħol l-iskola u l-edukazzjoni inklussiva?
Din hija xi ħaġa nkwetanti għax l-edukazzjoni qiegħda fil-verità tkun inklussiva? Speċjalment meta tara student b’diżabbiltà li waqt lezzjoni ta’ edukazzjoni fiżika jintbgħatu waħedhom fil-librerija? Importanti ħafna li naraw il-bżonnijiet ta’ kull każ individwali u nagħmlu pjan għal dik il-persuna. Irid ikun hemm assessments kontinwi għax inutli nitfgħu persuni f’main stream biex sempliċement nidhru sbieħ jekk mhux verament ser nipprovdu edukazzjoni parteċipattiva totali. Hemm ukoll il-kwistjonijiet tal-LSA li dawn qegħdin hemm biex jgħinu fit-tagħlim u mhux biex ikunu babysitters. Hija ħasra li ssib xi għalliema li jistmaw lil-LSA bħala xi ħaġa inferjuri minnhom u li jitfgħuhom f’kantunieri minflok ma jintegrawhom mal-kumplament tal-klassi kollha. Hemm anke skejjel fejn LSAs anqas huma permessi li jidħlu fi staff rooms tal-għalliema. Dan m’għandux ikun għax minnu nnifsu qed ikompli jżid mal-istigma ta’ persuna b’diżabbiltà.

U fir-rigward ta’ persuni adulti u l-inklużjoni tagħhom d-dinja tax-xogħol?
Għandna nipprovdu job coaches li jgħinu lill-persuna b’diżabbiltà tidħol f’post tax-xogħol, tintegra ruħha u titgħallem xogħolha. Il-Job Coach jista’ jgħin lill-persuna b’diżabbiltà dwar kif tilbes u tippreżenta ruħha f’post tax-xogħol u tista’ tgħin u tagħti kontribut anke lill-kollegi tax-xogħol dwar kif huma għandhom jintegraw mal-persuna b’diżabbiltà.

Temmen li għandhom jinħolqu koperattivi li jipprovdu opportunitajiet ta’ mpjieg lil persuni b’diżabbiltà f’ambjent li jkun adattat u sigur għalihom?
Jekk għandek persuni b’diżabbiltà li ma jistgħux jaħdmu f’open employment, allura iva naqbel li jinħolqu dawn il-koperattivi. Aħjar jaħdmu f’koperattiva milli ma jagħmlu xejn. Hemm ħafna nies b’diżabbiltà bħalissa li m’huma jagħmlu xejn u dawn jistgħu jagħtu kontribut f’koperattiva u b’hekk jirbħu l-aqwa ħaġa, id-dinjità tax-xogħol. Hemm ħafna xogħol ta’ kumpaniji li jista’ faċilment ikun outsourced lill-dawn il-koperattivi. Iva għalhekk nemmen fihom ħafna dawn il-koperattivi.

Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tal-KNPD mad-diversi għaqdiet u istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabbiltà?
Il-kummissjoni kienet inqatgħet xi ftit minn mal-NGOs. Jien qed nipprova nibni l-ikbar relazzjoni li jista’ jkolli magħhom. Irrid nara x’hemm komuni bħala bżonnijiet u naħdem fuqhom u magħhom. Għalhekk irrid naħdem biex insaħħaħ dak li għandhom għax finalment dawn jagħmlu xogħol indispensabbli għall-persuni b’diżabbiltà.

Finalment, f’Malta għandna ħafna nies li jinvolvu ruħhom volontarjament f’attivitajiet diversi inkluż b’risq persuni b’diżabbiltà. X’tikkummenta?
Il-volontarjat hu importanti ħafna u hu importanti li jkun sostnut. Irridu nibżgħu għal dawn il-persuni li jagħtu l-ħin u s-saħħa favur dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. Il-volontarjat huwa sabiħ għax isir mill-qalb u ta’ dan importanti li nuru l-apprezzament kollu tagħna. Intemm billi nappella lill-gvern biex il-volontarjat insaħħuħ u nagħtuh dak li ħaqqu.

 

More in Intervisti