‘100,000 ruħ għandhom iċ-ċans jibdlu s-sistema politika ta’ Malta’

Il-Partit Momentum konna ilna narawh jaħdem minn wara l-kwinti, minkejja li isem kien għad ma kellux. Kienet din il-gazzetta li żvelat il-pjan li Arnold Cassola qed jiġbor miegħu nies li jaħsbuha bħalu, u jtihom l-opportunità jagħmlu dak li ħassew li politiċi oħra mhumiex. Din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM tpoġġi mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Momentum, Mark Camilleri Gambin

Momentum ħalla l-bieb miftuħ għal koalizzjonijiet ma’ partiti żgħar oħra. Kif qed tippjanaw li żżommu l-identità u l-prinċipji tal-partit f’kollaborazzjonijiet bħal dawn, speċjalment fuq kwistjonijiet kontroversjali bħall-abort jew riformi ekonomiċi? 

Aħna lesti naħdmu ma’ partiti u għaqdiet li jħaddnu l-istess valuri bħal tagħna. Bħalissa l-prijorità hi li nistabbilixxu l-identità tagħna man-nies, u li nsaħħu l-organizzazzjoni interna. Biex verament nirnexxu aħna jew eventwalment xi xorta ta’ koalizzjoni, irridu nkunu organizzati sew. L-organizzazzjoni tajba tagħna wasslet għas-suċċess tal-kampanja tal-MEPs billi fiha kkonvinċejna 22,000 votant mal-aħħar għadd. Nemmnu li l-istatut tagħna jagħti gwida sew kif għandna nimxu fuq kwistjonijiet ta’ kuxjenza, ngħidu aħna l-abort, billi l-kandidati jkollhom vot ħieles skont il-kuxjenza tagħhom. 

Qed tiiffukaw fuq 100,000 votant li fl-elezzjonijiet passati astjenew, iżda ħafna minnhom huma diżillużi bil-politika għalkollox. X’miżuri konkreti se tieħdu biex tikkonvinċuhom li Momentum huwa differenti, li jiswa għall-fiduċja tagħhom, u li se jasal biex verament iwettaq dak li huma jixtiequ? 

Mill-esperjenza tagħna u mill-kuntatt dirett man-nies nafu li dawn il-100,000 ruħ għandhom tħassib serju fuq il-partiti PL u PN. Biċ-ċar li dawn in-nies mhumiex lesti jafdawhom iktar, anke jekk fil-passat dawn iż-żewġ partiti kienu importanti ħafna għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Realtà oħra hi li jidher li dawn il-100,000 ruħ ma rawx il-partiti ż-żgħar bħala partiti kredibbli. Naħseb li għalkemm in-nies qed jaraw Momentum bħala partit ġdid, b’bosta uċuħ ġodda, diġà qed jaraw id-differenza fil-politika tagħna u fl-operat tagħna. Sforz importanti ħafna għalina huma l-Vision Circles. Din hija opportunità unika għan-nies minn kull sfera tal-ħajja li lesti jpoġġu madwar mejda u niddiskutu temi speċifiċi. Kulħadd ikollu ċans jitkellem u l-punti li joħorġu mid-diskussjonijiet tematiċi jiġu ddokumentati. Diġà għamilna erba’ Vision Circles ta’ diskussjoni u għal dawn attendew mijiet ta’ nies. Min irid jirreġistra għall-Vision Circle li jmiss jista’ jagħmel dan minn fuq is-sit elettroniku tagħna https://partitmomentum.org/vision-circles 

Il-finanzjament tal-partiti spiss tkun kwistjoni fil-politika Maltija. Tista’ timpenjaw ruħkom għal trasparenza finanzjarja sħiħa, inkluż l-iżvelar ta’ donaturi ewlenin, u kif se tiżguraw responsabbiltà fil-finanzjament tal-kampanji futuri? 

Aħna nemmnu li, biex nevitaw kemm jista’ jkun abbużi, għandu jkun hemm finanzjament mill-istat. Pereżempju, €6 fis-sena għal kull vot fl-elezzjoni nazzjonali u fl-elezzjoni għall-MEPs u €3 għal kull vot fil-Kunsilli Lokali. Donazzjonijiet mill-privat li jaqbżu l-€5000 għandhom ikunu illegali. Kull donazzjoni fuq €3000 għandha jkollha wkoll muri l-isem tad-donatur. It-trasparenza importanti immens, u aħna nikkommettu li nosservaw ir-regoli, kif ukoll l-etika madwar t-trasparenza, li nissottomettu l-accounts tal-Partit u nippubblikaw ir-rapporti tat-trasparenza kif għamilna fil-kampanji preċedenti ta’ Arnold. 

L-istil ta’ tmexxija u l-istorja politika ta’ Arnold Cassola huma magħrufin, iżda xi wħud iqisuh bħala figura li tifred. Kif se tibbilanċjaw it-tmexxija tiegħu mal-għan tal-partit li jkun inklussiv u ċentrist? 

Arnold Cassola ġab l-ogħla vot fl-elezzjonijiet nazzjonali għal kandidat indipendenti mill-1950, l-ogħla vot fl-istorja għal kandidat ta’ tielet partit (2004) u ta’ indipendenti (2024) fil-104 snin li ilhom isiru l-elezzjonijiet. Huwa naturali li nies normali li jaħsbu b’moħħhom jikklexxjaw ma’ oħrajn ta’ konvinzjonijiet oħra. Arnold qatt ma kien f’partit fejn jobdi b’mod agħmi dak li jordna l-mexxej/kap, fejn ma jkollokx diskussjonijiet sħan basta ma tistaqsi xejn u tobdi dak li jgħidlek il-leader. Momentum ma jagħmilx dawn ir-restrizzjonijiet – u Arnold, minkejja li chairperson, ma jistax jimponi l-veduti tiegħu. Qabel kull policy, l-ewwel niddiskutu, imbagħad noħorġu b’policy kif maqbula bejn il-maġġoranza … u mhux kif jiddetta l-leader. Fuq materji ta kuxjenza, dejjem inħallu l-vot ħieles. 

Il-prinċipji ewlenin tal-partit għadhom pjuttost miftuħin. In-nies, meta se jirċievu proposti ta’ politika dettaljati, partikolarment dwar suġġetti kontroversjali bħar-regolamentazzjoni tal-kostruzzjoni, ir-riforma tal-edukazzjoni, jew il-protezzjoni ambjentali? 

S’issa ppubblikajna sett ta’ proposti dettaljati dwar it-trasparenza u d-demokrazija. Fil-jiem li ġejjin se nippubblikaw sett ieħor dwar l-ekonomija. Il-politika tagħna mibnija fuq djalogu mal-komunità. Nemmnu li l-esperti huma essenzjali biex jgħinuna nfasslu proposti b’saħħithom. Għalhekk nistednukom tattendu l-Vision Circles ħalli fihom tkunu tistgħu tikkontribwixxu intom ukoll. 

L-idea ta’ Vision Circles tenfasizza l-involviment ta’ bosta persuni, iżda l-kritiċi jistgħu jarawha bħala kliem fieragħ mingħajr azzjoni. Dawn id-diskussjonijiet kif se jissarrfu f’policies li jolqtu mat-tħassib tal-Maltin? 

Nies minn kull sfera tas-soċjetà jattendu l-Vision Circles u jikkontribwixxu b’mod strutturat. Il-moderaturi tagħna jniedu sett ta’ mistoqsijiet u jagħtu l-opportunità lil kull parteċipant jitkellem u jaqsam l-ideat tiegħu. Dawn l-ideat jinġabru u minnhom infasslu l-proposti tagħna. Lil hinn minn kliem fieragħ, dan diġà sar f’erba’ Vision Circles u l-ammont ta’ nies li jattendu dejjem qiegħed jiżdied. 

Xi membri tal-Momentum, fosthom Cassola, għandhom għeruq f’partiti oħra. Kif se tindirizza l-perċezzjonijiet li Momentum huwa biss rebranding tal-ADPD jew ġabra ta’ attivisti diżillużi aktar milli forza tassew friska? 

Il-politika ċentrali, il-vot ħieles fuq materja ta’ kuxjenza, l-istil tat-tmexxija u tal-organizzazzjoni, il-Vision Circles, il-preżenza b’saħħitha tagħna online u man-nies waqt kampanji elettorali, id-diversità tat-tim u tal-membri tagħna, kollha jagħmluna partit differenti għal Malta tal-lum; partit li verament jirrappreżenta d-diversità tan-nies f’Malta. 

Is-sistema politika ta’ Malta kienet storikament iddominata minn żewġ partiti ewlenin. X’inhi l-istrateġija tagħkom biex, mhux biss teżistu bħala partit, imma tirnexxu f’dan l-ambjent polarizzat? 

Il-100,000 ruħ għandhom iċ-ċans jibdlu dan kollu. F’elezzjoni nazzjonali, prattikament qed nitkellmu dwar tlettax-il elezzjoni differenti, fuq livell distrettwali. Għalkemm mhix ħaġa faċli, lanqas hija ħaġa impossibbli. F’kull distrett hemm madwar 25,000 votant. Kulma hemm bżonn huma 2,500 vot fuq distrett mal-ewwel għadd. Nemmnu li f’numru ta’ distretti hemm almenu 10% tal-votanti li għandhom tama qawwija li jiktbu paġna politka ġdida li vera tirrappreżenta l-aspirazzjonijiet tagħhom, u għalhekk issa ċ-ċans biex inwettqu dan. 

More in Intervisti