Il-Benessri tal-Maltin: Kif nistgħu nkunu iżjed kuntenti?

Il-gazzetta ILLUM tpoġġi mal-Ekonomista Marie Briguglio sabiex tiddiskuti kif nistgħu naċċertaw il-kuntentizza t’aktar Maltin

L-Ekonomista Marie Briguglio
L-Ekonomista Marie Briguglio

F’Marzu ta’ din is-sena, il-Wellbeing INDEX Project immexxi mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society (MFWS) flimkien mal-Università ta’ Malta, ħarġet analiżi bbażata fuq statistika mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Dan l-istħarriġ wera li, fil-waqt li bħala medja l-Maltin huma kuntenti, hemm numru sostanzjali li mhumiex, “67,703 persuni f’Malta jirnexxilhom iħossuhom kalmi ‘għal ftit tal-ħin, jew qatt,’” qalet Marie Briguglio, ekonomista u l-mexxejja tal-proġett. 

Fl-istess xahar ħarġet l-istatistika tal-World Happiness Report fejn Malta niżlet għat-48 post minn 147, tmien postijiet taħt fejn konna s-sena l-oħra. Malta kklassifikat taħt pajjiżi bħall-Vjetnam u n-Nicaragua. Din kienet l-agħar klassifika li qatt kellha Malta mill-2012. 

Il-ġurnal ILLUM tkellem mal-Ekonomista Marie Briguglio fuq il-ħsieb tagħha jekk dan hux minnu skont ir-riċerka li qed issir mill-proġett, u fuq kif nistgħu nindirizzaw din il-problema bħala pajjiż. 

Fl-istħariġ tagħha hi ħeġġet lin-nies fil-poter sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawk id-29,820 persuna li rari jew kważi qatt ma jħossu l-ferħ. “Hemm bżonn ta’ politika li timmira iktar għall-ġid uman, inkluż iktar ħsieb u riżorsi fuq is-saħħa mentali u kif l-ekonomija toħloq impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum,” qalet Briguglio.  

Hi kompliet billi qalet li l-miżuri għandhom ikunu speċifiċi għall-gruppi affettwati, pereżempju jekk l-anzjani huma fost dawk li qed iħossuhom l-iżjed iżolati, għandhom jiġu msaħħin il-miżuri ta’ parteċipazzjoni soċjali li jwasslu għall-komunitajiet lokali iżjed magħqudin.  

Briguglio għamlet ukoll referenza għall-istħarriġ tal-Wellbeing INDEX Project fejn terz tal-Maltin jgħixu fl-istorbju. Din hija kritika ta’ ħafna nies għax l-istorbju eventwalment iwassal għal problemi mentali bħall-ansjetà u d-dwejjaq. Skontha, hemm ħafna xi jsir f’dan ir-rigward: “Liġi. Infurzar. Rispett.” 

Briguglio titkellem ukoll rigward il-problemi ta’ dawk li qegħdin f’sitwazzjoni soċjo-ekonomika baxxa, bħal dawk li qegħdin bla xogħol u dawk li jaqilgħu l-paga minima. Hi tgħid li għal dawk li qed jaffaċċjaw problemi finanzjarji, pereżempju l-faqar, hemm bżonn li jkun hemm iżjed opportunitajiet ta’ taħriġ u impjieg b’kundizzjonijiet aħjar. 

“Is-sistema tal-welfare f’Malta hija relattivament ġeneruża f’ċerti aspetti, iżda hemm lakuni,” qalet. Hi tiftaħ fuq dan billi tgħid kif l-ekonomija tgħin iżjed lil min hu koppja iktar milli lil dak li jkun waħdu, b’inċentivi li indirettament jiffavorixxu lil min hu parti minn familja tradizzjonali. Hija r-realtà li llum l-istruttura tal-familja nbidlet. Hemm min jagħżel li ma jiżżewwiġx jew li ma jkollux tfal. L-istatistika tal-proġett uriet li dawn għandhom benessri iktar baxx, speċjalment fil-każ ta’ single parents li għandhom sitwazzjoni finanzjarja iżjed kiefra.  

“Irridu regoli u infurzar ambjentali biex nilħqu ġid ekonomiku, u anke ambjent xieraq.” Fattur ieħor li jaffettwa l-kuntentizza ta’ dak li jkun huwa l-ambjent. Fost is-suġġetti li Briguglio tgħallem hemm l-istudju tal-ekonomija ambjentali. Hi tgħid li sabiex Malta jkollha żvilupp ekonomiku li ma jaħdimx kontra l-ambjent, irridu nħallu l-ekonomija taħdem, “imma mhux bla rażan.” 

Briguglio tagħti xi suġġerimenti ta’ kif dan jista’ jintlaħaq, pereżempju inċentivi ekonomiċi bħal taxxa ambjentali fuq il-konsum eċċessiv tal-enerġija, użu tal-karozza u sussidji għal soluzzjonijiet nodfa. 

Minbarra dan, hi enfasizzat l-importanza li l-ekonomija Maltija tkompli tiddiversifika f’setturi sostenibbli bħall-ekonomija diġitali u l-enerġija nadifa.

More in Intervisti