Fenech jargumenta li lest li jibdel fehmtu dwar Henley & Partners

“Baġit mimli kontradizzjonijiet”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech f’intervista mal-gazzetta ILLUM qal li l-kritika tiegħu mhix fuq il-kompetenza ta’ Henley & Partners, imma minħabba l-fatt li dawn għandhom kunflitt ta’ interess.

Huwa mbagħad stqarr li jekk il-pariri dwar din l-iskema tawhomlhom Henley & Partners. “Mela nibda ninkwieta, u nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi dwar x’naħseb fuq din id-ditta.”

“Imma jiena naf li huma wkoll qalu lill-Gvern li m’għandux jagħmilha b’dan il-mod. Li m’għandux iħares lejn il-quick buck imma jfittex l-investituri,” qal Tonio Fenech.

Imma f’kuntatti mill-gazzetta ILLUM li saru lbieraħ dwar dan l-aħħar kumment ta’ Fenech, kelliem tal-Gvern qal li assolutament mhux minnu li Henley & Partners taw dan il-parir.

“Anzi tawna ħafna pariri biex pereżempju ma niżvelawx il-persuni li ser jiġu aċċettati u aħna issa dawwarna kollox.”

Tonio Fenech dwar il-baġit u l-pożizzjoni tal-PN dwar iċ-ċittadinanza.

Id-deputat Nazzjonalista Tonio Fenech kien il-Ministru responsabbli mill-Finanzi fl-amministrazzjoni preċedenti. Huwa kellu jiffaċċja sfidi kbar, fosthom il-kriżi internazzjonali. kif ukoll akkużi ta’ impropjetà u allegazzjonijiet ta’ skorrezza politika.

Il-baġit jgħid biss is-sabiħ, l-ikrah iħallih barra

Tonio Fenech qal li dan il-baġit kien eżerċizzju ta’ PR per excellence. Jekk tifli sew id-diskors tal-baġit, tinduna li fir-realtà huwa eżerċizzju ta’ accounting ħażin, għaliex tinnota li bejn l-estimi u d-diskors hemm ħafna żbalji u l-istimi tad-dħul (għalkemm il-Ministru jgħid li mhumiex ottimisti) huma maħduma ħżiena. “Pereżempju jgħid li għolla l-liċenzji tal-karozzi b’€10 biss, jekk tieħu 260,000 karozza d-dħul huwa ta’ €2.6 miljun. Iżda meta tara l-estimi, dawn juru li l-Gvern ser idaħħal żieda ta’ €17-il miljun. Għaldaqstant dawn minn fejn ser jiġu, ser jiżdiedu daqshekk karozzi fit-toroq?”

Fenech fisser kif anke fin-nefqa hemm numru ta’ żbalji u Għawdex huwa eżempju klassiku. “Il-Ministru Scicluna jgħid li ser jagħmel skema ta’ €1.2 miljun biex idaħħal iż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol, tmur fl-estimi u ssib €500,000. Dan ifisser €700,000 inqas. Il-Gvern jgħid li ser jagħmel dar tal-anzjani f’Għawdex li tiswa aktar minn €1,000,000. Iżda meta tmur tara l-estimi ma ssib xejn. Jgħid ukoll li immedjatament ser jibda l-proġett tal-Qorti f’Għawdex li ser jiġi jiswa mat-€12-il miljun. Tmur tara l-estimi u ma ssib xejn.”

Tonio Fenech jiddeskrivi dal-baġit bħala “eżerċizzju kif jikkonvinċi lin-nies li huwa tajjeb, billi jaħbi dak li ma jridx jgħidilhom.”

Baġit mingħajr strateġija ekonomika

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi qal li dan il-baġit żgur li ma juri l-ebda strateġija ekonomika. “Qed ngħid hekk għaliex vera li hemm numru ta’ miżuri li jħajru lin-nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol u huma tajbin, iżda dwar kif ser jinħoloq ix-xogħol dik jitfagħha fuq l-MCESD u qal li għad irid joħloq strateġija ekonomika. Mela dan il-baġit sar mingħajr strateġija ekonomika.”

“Kulħadd ser iħallas għall-wegħdi li għamel Muscat”

Fenech semma’ dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, u tenna li f’dan il-baġit iktar trid tfittex x’ma jgħidlekx milli x’jgħidlek. “Il-fatt illi ser joħloq it-taxxi, ser iżid id-dejn, ħabbar miżuri li m’għandux flus għalihom, qed jaqta’ l-allokazzjoni fuq setturi partikolari bħal pereżempju lill-persuni bi bżonnijiet speċjali, u fuq kollox mhu ħa jagħmel xejn dwar il-foqra ħlief li joffrilhom White Paper u Green Paper.” 

Ma jissemma’ xejn dwar kif ser jinħoloq ix-xogħol

Tonio Fenech semma’ l-iskemi biex iktar persuni jitħajru jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-fatt li l-benefiċċji soċjali mhumiex jinqatgħu mill-ewwel bħala aspetti pożittivi ta’ dan il-baġit. Semma’ l-miżura taċ-child care centres li wkoll kienet fil-programm elettorali tal-PN. Iżda hu sostna li l-problema ta’ dan il-baġit hi li “qed iħeġġeġ lin-nies biex joħorġu jaħdmu, imma ma jgħid xejn kif ser jipprovdi x-xogħol. Mhux qed jinċentiva lis-settur privat biex joħloq ix-xogħol.”

Il-familji bi dħul baxx intlaqtu ħażin ħafna

“Mingħajr dubju s-setturi l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna ntlaqtu ħażin ħafna,” sostna Tonio Fenech. Ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux ser jaffettwaw lil dawn il-familji, għaliex diġà jgawdu mill-benefiċċju tal-enerġija. “Il-fond tal-għajnuna supplimentari naqas b’miljun.”

Hu fisser kif it-traħħis tat-taxxa, kemm it-traħħis tar-rata li kompla fuq it-triq tal-Gvern preċedenti u anke l-bidla li għamel fil-komputazzjoni ta’ min hu ġenitur, tmiss lil dawk li huma medja fis-soċjetà. “Dan huwa tajjeb, imma l-faxex żgħar xejn? Dan il-partit li tela’ bl-għajta li jrid jaqsam il-ġid ma’ kulħadd, lanqas nies li qasam il-ġid magħhom, huma l-aktar nies fil-bżonn.”

Inaqqas il-piżijiet fit-taxxi indiretti

L-eks Ministru tal-Finanzi qal li hu kien jagħmel baġit differenti ħafna. Jgħid li kien inaqqas il-piżijiet fit-taxxi indiretti li fuqhom hemm żidiet fir-rati li jammontaw għal €72 miljun. “Hemm €17-il miljun minnhom li l-Ministru qal li €2.5 miljun biss ser jiġbor. Il-problema hi li mhux qed jikkontja d-dħul kif suppost.”

“Is-SISA fuq il-fjuwil hija l-akbar daħka fil-wiċċ,” qal Tonio Fenech. Il-Gvern ser idaħħal taxxa ta’ €0.2ċ fuq il-fjuwil kollu. Il-prezz tal-petrol u d-diesel mhux ser jinbidel, forsi jkun hemm żieda ta’ ftit aktar minn 1ċ għal Jannar. 

“Il-prezz taż-żejt nieżel. F’dawn l-aħħar tlett xhur niżel minn 108 dollaru l-barmil għal 92 dollaru l-barmil. Kieku l-Gvern żamm is-sistema tal-Gvern Nazzjonalista, il-fjuwil kien jorħos kull xahar. Issa dan it-traħħis ħadu l-Gvern, din xorta hi taxxa.”

Fenech qal li “kulħadd ser iħallas għall-wegħdi li għamel Joseph Muscat. Qabel l-elezzjoni Muscat kien jgħid li mhux ser iżid it-taxxi, iżda ser iġib il-flus mit-tkabbir tal-ekonomija u billi tinqata’ l-ħela. Iżda issa qed naraw kif żied it-taxxi sabiex iħallas il-wegħdi tiegħu.”

Id-dejn ser jiżdied b’€550 miljun fi tliet snin 

Il-Gvern ta’ Muscat għażel li jmur għal sistema ta’ defiċit aktar għoli. L-eks Sindku ta’ Birkirkara qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ipproġetta li jmur li d-defiċit għal din is-sena jkun ta’ 1.7%, filwaqt li Gvern Laburista għamlu 2.7%. 

“Dan ifisser li din is-sena ser jagħmel defiċit iktar milli pproġettajna aħna ta’ €50 miljun. Is-sena d-dieħla barra dak il-€50 miljun, ser iżid €50 miljun ieħor għaliex flok 0.6% ser imur għal 2%. Dan ifisser li flok qed jinżel biex imur f’sitwazzjoni ta’ bilanċ, biex ikun jista’ jħallas għall-wegħdi li għamel, qed iżid id-defiċit. Dan turih it-tabella li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi fil-Parlament.”

“Gvern Nazzjonalista ħalla €4.8 biljun, fl-2016 dan ser jitla’ għal €5.4 biljun. Din il-figura ma vvintajnihiex aħna imma ddikjaraha l-Ministru tal-Finanzi stess,” kompla Fenech.

Jiddispjaċik bil-frażi ‘Alice in Wonderland’?

“Jien mhux it-traħħis iddikjarajt li hu Alice in Wonderland, imma l-proġett innifsu. Dan għaliex illum dan il-proġett mhuwiex l-istess proġett ta’ kif wegħduna qabel l-elezzjoni.”

Tonio Fenech spjega kif qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kien wiegħed li l-prezz fiss ser ikun għal għaxar snin u mhux ħamsa. Wiegħed ukoll li dan ser ikun proġett fuq l-art u mhux vapur enormi f’nofs Marsaxlokk li ser joħloq problemi kbar għal Freeport. “Il-proġett inbidel u ser jibqa’ jinbidel.” Fenech semma’ kif lanqas l-istudju dwar is-sigurtà u l-impatt ambjentali għadhom ma saru bis-serjetà. “Sa Marzu li ġej qas tkun bdiet din il-powerstation,” qal Tonio Fenech.

Illum il-Gvern għandu l-vantaġġ li qed jiffranka €1,000,000 fil-ġimgħa grazzi għall-powerstation tal-BWSC kompla Fenech. “Fuq kollox dan il-Gvern intaxxa l-Heavy Fuel Oil b’0.2ċ, jiġifieri issa l-Enemalta tant għandha flus li qed jintaxxaha!” 

Il-pożizzjoni tal-PN dwar iċ-ċittadinanza hi ċara

Tonio Fenech spjega kif il-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra illi jkun hemm programm li jħajjar investituri barranin jinvestu f’Malta. Il-PN jemmen li dawn m’għandhomx sempliċiment jixtru l-passaport, imma jinvestu f’pajjiżna, joħolqu x-xogħol, jiftħu impriża u anke jinvestu f’kumpanija Maltija. 

“Aħna ssuġġerejna fl-emendi tagħna fil-Parlament li dawn jagħmlu perjodu ta’ ħames snin jgħixu hawn Malta, imbagħad jekk jinstab li huma denji, jiġu kkunsidrati għaċ-ċittadinanza Maltija. Dak li qed jipproponi l-Gvern Laburista mhux programm ta’ investiment imma huwa bejgħ tal-passaport. Għalhekk fundamentalment aħna kontra dan il-programm, għaliex dan mhux programm li ser jattira l-investituri f’Malta.

Hu kompla jispjega kif sempliċiment bejgħ ta’ passaport teżisti, imma mhux f’pajjiżi Ewropej. Hu semma’ li hemm gżejjer żgħar fil-Karibew li huma meqjusa bħala tax havens, fejn in-nies imorru joqogħdu sabiex jevadu t-taxxa.

“Aħna ma rridux inkunu kkunsidrati bħal dawn il-pajjiżi għaliex malli jibda jidħol is-sens ta’ ħabi, tkun qed tibgħat messaġġ hemm barra li m’intix pajjiż serju, imma qed tħalli lilek innifsek tintuża. Ma nistgħux inħallu l-passaport Malti jintuża kif ġieb u laħaq,” enfasizza Fenech.

Hu qal li kieku ma kienx għall-emenda tal-PN, lanqas il-ġurament ma kien jittieħed Malta. 

“Kif inhi l-liġi, wieħed mhux obbligat li jixtri post u lanqas għandu bżonn jinvesti f’Malta. Diment li għandek €650,000, tista’ tixtri l-passaport. Barra minn Malta diġà hemm xnigħat li “ta’ Malta l-irħas.” Muscat huwa salesman, imma lanqas salesman tajjeb. Hu dejjem jgħid li jridna nkunu l-aqwa fl-Ewropa, l-aqwa tbiegħu bl-irħas prezz?!”

It-tifħir ta’ Tonio Fenech lil Henley & Partners

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-kritika mhix fuq il-kompetenza ta’ Henley & Partners, imma minħabba l-fatt li dawn għandhom kunflitt ta’ interess.  

“Muscat dejjem jgħid li jridna nkunu l-aqwa fl-Ewropa… l-aqwa tbiegħu bl-irħas prezz?!”

Jekk il-pariri dwar din l-iskema tawhomlhom Henley & Partners, mela nibda ninkwieta, u nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi dwar x’naħseb fuq din id-ditta. “Imma jiena naf li huma wkoll qalu lill-Gvern li m’għandux jagħmilha b’dan il-mod. Li m’għandux iħares lejn il-quick buck imma jfittex l-investituri,” temm jgħid Tonio Fenech.

More in Intervisti