L-MCESD mhux dak li jsejħilha Austin Gatt
John Bencini twieled tas-Sliema u jgħix tal-Ibraġġ. Miżżewweġ lil Victoria Antoncich mill-Isla, missier Graziella u nannu ta’ Federica. Gradwat fil-Filosofija u Ingliż mill-Università ta’ Alabama. Kien President tal-Forum Unions Maltin, President tal-MUT u fil-preżent ċermen tal-MCESD
minn John Busuttil
Nisimgħu ħafna dwar l-MCESD, iżda forsi ftit nafu x’inhu r-rwol tagħha fis-soċjeta Maltija. Hi għaqda li tiddiskuti madwar mejda u kollox jieqaf hemm?
Kien l-eks ministru Austin Gatt li rrefera għal l-MCESD bħala ‘talking shop’. U dan niċħduh bis-saħħa għax aħna nagħmlu xogħol ferm siewi għas-soċjetà Maltija. Kienet kelma li weġġgħetna ħafna għax l-MCED twaqqfet legalment fl-2001 u wara l-isem inbidel fl-MCESD għax fiha ġie nkorporat l-istat soċjali. Xogħolna hu li nippromwovu djalogu soċjali li bis-saħħa tiegħu jitnaqqsu l-problemi bejn l-gvern, il-ħaddiema u dawk li jħaddmu. Tant li kemm ilna mwaqqfin l-inkwiet industrijali fil-pajjiż naqas drastikament. Fil-preżent hi aktar b’saħħitha speċjalment li fl-2012 ġiet emendata l-liġi u mal-MCESD ingħaqdu s-soċjetà ċivili u l-Gozo Regional Committee. B’hekk l-NGO’s ingħataw aktar saħħa fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Filwaqt li l-Għawdxin li kienu jħossuhom ‘left out’ minħabba l-insularità doppja tagħhom issa qed ikollhom laqgħa kull xahar f’Għawdex tal-MCESD.
Min eżatt jifforma l-MCESD?
L-MCESD hi ffurmata minn erba’ unjins, GWU, UĦM, Forum u CMTU, erba’ min-naħa ta’ min iħaddem, Chamber of Commerce, GRTU, MEA u MHRA, membru mis-soċjetà ċivili, membru tal-Gozo Regional Committee u l-Gvern li bħala membru għandu lil Ministru Helena Dalli.
Vera li hemm forums oħra li jixtiequ jagħmlu parti mill-MCESD?
Iva għandna żewġ talbiet biex isiru parti mill-MCESD. L-iżviluppaturi u l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti. Irridu biss noqogħdu attenti biex ma nżidux wisq, għax aktar ma jkun kbir il-kumitat ikollna inqas deċiżjonijiet u qbil.
Iżda l-MCESD għandha saħħa biżżejjed fid-deċiżjonijiet?
Xi msieħba soċjali jemmnu li dan il-kumitat għandu jingħata status aħjar. Wara l-parlament dan il-kumitat għandu jkollu l-akbar importanza. Dan il-kumitat barra li jippromwovi djalogu soċjali nippruvaw noħolqu qbil bejn is-sħab soċjali. Suġġetti kontroversjali tipprova tnaqqashom u tressaq il-partijiet flimkien. Ma jistax ikun li l-unjins ma jifhmux lil min iħaddem li huma n-nies li jirriskjaw il-miljuni u joħolqu xogħol għal poplu. Għax grazzi għalihom li qed jagħtu kontribut qawwi lill-ekonomija Maltija. Iżda min iħaddem irid jisma’ wkoll lill-unjins. Grazzi għal dan il-kumitat it-tnejn saru jifhmu lil xulxin iżjed. Il-liġi tagħti wkoll il-jedd li l-Gvern ikun wieħed mill-imsieħba soċjali. Xogħolna mhux li jiddeċiedi għax hu l-Parlament li jiddeċiedi. Aħna nservu bħala kumitat li jagħti l-pariri lill-Parlament iżda jiddeċiedi dejjem il-Gvern. F’kull riforma l-Gvern jismagħna u jwieżen dak li jkun intqal hemm ġew għax aħna nirrappreżentaw il-popolazzjoni li taħdem filwaqt li l-gvern jirrappreżenta l-poplu kollu.
“Il-Maltin ma jkunux iridu jidħlu s-Sibtijiet għax ikunu jridu joħorġu nkella għax l-għada tal-festa u skużi oħra bħal dawn”
Bil-gvern parti mill-MCESD ifisser li qiegħed hemm biex jara min u x’intom tgħidu jew ikun parti mid-dibattitu u jismagħkom?
Il-fatt li l-Ministru Helena Dalli dejjem tkun preżenti jista’ jgħin li tagħti aktar saħħa dak li jiġi dibattut fil-kumitat meta jiddiskutuh fil-Parlament. Għax fil-kumitat hemm dibattitu li ilu għaddej is-snin dwar jekk għandux ikun preżenti l-gvern billi hemm min jistaqsi jekk l-MCESD hiex awtonoma bil-gvern ma djulha. Jien xogħli hu li nidderieġi u mhux li nesprimi l-opinjoni tiegħi dwar dan.
Però rrid ngħid li kienet il-Ministru Helena Dalli li ħadet l-inizjattiva li terġa’ twaqqaf il-kumitat tal-istrutturar immexxi minn William Portelli li għamel xogħol impekkabbli. Lesta dokument li bih l-MCESD issir aktar relevanti u hemm 90% qbil dwar ir-rapport. Se niddiskutu l-punti f’Ottubru u fuq inizjattiva tal-istess Ministru trid li naqtgħulu rasu malajr kemm jista’ jkun biex issir il-leġislazzjoni meħtieġa. Dan id-dokument jgħaddi għand il-Gvern għat-tibdil fil-liġi bl-isperanza li l-Gvern jifhem l-ħtiġijiet għal aktar kontribut. Saru dibattiti serji li kien hemm kulħadd wera li moħħhom kien għal ġid komuni tal-pajjiż u mhux kulħadd jara n-naħa tiegħu biss. Din hi l-linja li mexjin biha l-imsieħba soċjali f’dawn l-aħħar snin.
Jiġifieri int qed tgħidli li l-imsieħba soċjali sirtu taqblu f’kollox?
Li ma tismax kontroversja hu sinjal pożittiv. Iżda ma jfissirx li naqblu f’kollox. Pereżempju fuq il-C.O.L.A. (Cost Of Living Allowance) hemm fejn ma naqblux iżda nifhmu lil xulxin għal ġid tal-pajjiż.
X’qed jinkwetakom l-iżjed fejn jidħlu ħaddiema?
Ix-xogħol prekarju. Għamilna żewġ laqgħat u sar rapport lill-Gvern li qed jużah biex issir leġislazzjoni biex jitnaqqas il-prekarjat. Jinkwetana l-fatt li m’hawnx ħaddiema biżżejjed preparati għal xogħol tekniku li ħafna investituri barranin għandhom bżonn u qed jinġiebu ħaddiema barranin. U anke l-mentalità u l-kultura Maltija fejn jidħol xogħol. Il-barrani jaħdem il-ħinijiet kollha li titlob minnu u l-ħaddiem Malti fil-lukandi, bars u ristoranti ma jkunux iridu jidħlu s-Sibtijiet għax ikunu jridu joħorġu nkella għax l-għada tal-festa u skużi oħra bħal dawn.
Jinkwetana l-fatt li huma wisq l-istudenti li qed jieqfu milli jkomplu l-istudji tagħhom. Inkwiet ieħor hu meta tisma’ dwar in-numru ta’ nies f’xifer il-faqar għax min iħaddem ma jaqbillu qatt li jkun hawn din is-sitwazzjoni fil-pajjiż.
Int kont parti mill-MCESD fl-amministrazzjoni ta’ qabel u ċermen f’din l-amministrazzjoni. Tara xi differenza bejn iż-żewġ amministrazzjonijiet?
Bażikament ma narax differenzi jekk dejjem hemm. Chris Said fl-amministrazzjoni ta’ qabel kien jagħti kontribut tajjeb u llum hemm ministru li trid tagħmel ħafna wkoll. Il-fatt li l-Ministru Helena Dalli saħqet fuq l-istrutturi legali tal-MCESD kien pass ’il quddiem.
Kulħadd qed jistenna l-baġit. Bla dubju li l-imsieħba soċjali jkunu ferm interessati fil-baġit ta’ kull sena għax intom tirrapreżentaw sew lil dawk li jħaddmu u anke lil dawk li jaħdmu. Il-gvern jagħti kas il-proposti li tgħaddulu?
Min jaħseb li l-imsieħba soċjali jagħmlu l-proposti tagħhom fuq dak li jixtiequ, speċi ta’ wish list ikun żbaljat. Il-proposti li jitressqu lill-Gvern huma proposti għal ġid komuni. Proposti biex jitnaqqas il-faqar u jkun hawn stabbilità ekonomika. Fl-24 ta’ Settembru l-gvern jisma’ l-proposti ta’ kulħadd. Dan l-aħħar il-maġġoranza tal-proposti tagħna qed jiġu aċċettati, nispera li anke did-darba jiġri l-istess għax s’issa l-proposti għadhom m’għaddewx lil gvern.
Id-dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżentalna l-Ministru tal-Finanzi kien ċar. Opportunitajiet u mhux dipendenzi. Fejn qed juri li fil-baġit li ġej id-dejn, il-GDP u d-defiċit se jitnaqqsu. Barra hekk l-imsieħba soċjali qed jistennew bil-ħerqa n-nuqqas fil-kontijiet ta’ dawl u ilma għall-industrija f’Marzu li ġej.
Min-naħa tagħna sa nofs Ottubru nkunu nafu tliet kwarti mill-baġit. Spiċċa ż-żmien tal-bagalja magħluqa.
Fid-dokument li ħareġ mill-Kamra tal-Kummerċ ‘Economic Vision 2014/2020’ fil-parti ‘Ease of doing Business’ juri biċ-ċar li fil-lista fejn kull pajjiż jiġi mkejjel kemm hu faċli biex tinvesti fih, Malta tinsab fil-103 post fid-dinja u l-aħħar fl-Ewropa. Xi tgħid l-MCESD dwar dan?
Lista li nkwetat bil-bosta lill-imsieħba soċjali. Hawn investiment iżda hawn investituri li jistgħu jitnaffru b’din il-lista. Jekk irridu nattiraw aktar investituri ma nistgħux nibqgħu wara l-pajjiżi tal-Lvant. Il-burokrazija żejda li hawn fil-pajjiż biex wieħed jinvesti hi kbira. Il-Gvern hu kommess li jnaqqas il-burokrazija fejn anke kummissarju kontra l-burokrazija ħoloq, iżda jrid jgħaġġel iżjed. Ma nistgħux nistennew iżjed. Hawn Malta tant trid permessi li l-investituri jaqtgħu qalbhom u jmorru postijiet oħra. Nagħmel appell ġenwin, ejja naqbdu l-barri minn qrunu.
“Min-naħa tagħna sa nofs Ottubru nkunu nafu tliet kwarti mill-baġit. Spiċċa ż-żmien tal-bagalja magħluqa”