F’sentejn sparixxew €4 miljun
L-Avukat Luciano Busuttil jitkellem mal-ILLUM dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-waħx li sab fil-KMS. Dwar kif qed jiffaċċja din is-sitwazzjoni u anke l-esperjenza negattiva tiegħu meta ma telax fil-Parlament fl-aħħar elezzjoni ġenerali u kellu jistenna l-by-election.
minn John Busuttil
Qatt iddispjaċik li ħallejt is-siġġu tal-Kunsill għas-siġġu tal-Parlament?
Dak iż-żmien għadni nimmissjah sal-lum għax il-Kunsill iħallik qrib in-nies. Però hemmhekk ħallejt il-‘baby’ tiegħi l-parkeġġ fil-qalba tal-Ħamrun, avolja meta nfetaħ lanqas biss ġejt mistieden. Ifhimni bħala membru parlamentari fl-oppożizzjoni int nullita, ma tfisser xejn. Bħala backbencher fil-gvern ukoll ma tantx ikollok sodisfazzjon għax il-poplu jippretendi minnek u int trid minn ħaddieħor.
Issa meta l-Prim Ministru bagħat għalija u offrieli r-rwol ta’ ċermen tal-KMS, waqaft naħseb u għalkemm qatt ma stennejtha ħadt dan l-inkarigu bil-qalb. Anke jekk qatt ma ħlomt dwar dak li kelli nsib fil-KMS.
Mela x’sibt?
Sibt affarijiet tal-waħx. Mill-2011 sa Marzu tal-2013 ir-riservi kollha tal-KMS, €4 miljun, sparixxew. Il-KMS kienet qed tiekol minn ġewwa. Il-ħela ta’ flus kienu xi ħaġa li lanqas timmaġinaha. Kienu ntefqu €100,000 biex tiġi organizzata l-Malta Sports Award u aħna għamilnieha bi €15,000. Intefqu €300,000 biex sar open gym f’Ħal Qormi meta kien hemm prijoritajiet oħra u issa għandi dubju kemm verament dan il-gym jintuża.
Kemm kien l-ammont ta’ dejn li sibt?
€700,000 li telgħu għal €1.2 miljun minħabba xi impenji li kien hemm. In-nies żejda b’salarji kbar li kien hemm kienu xi ħaġa li jwaħħxuk. Angelito Sciberras ingħata kariga maniġerjali u mill-aktar għolja mill-10 ta’ Marzu 2013 (jiġifieri mill-għada tal-elezzjoni) bil-kuntratt tiegħu jiġi ffirmat fit-8 ta’ Marzu, lejliet l-elezzjoni.
Żammejtuhom dawn il-ħaddiema?
Dażgur li le. ‘Details revoked’ u ġew rimpjazzati. Kemm ilna hemm iffrankajna €250,000 f’pagi ta’ nies żejda u overtime li ma kienx hemm bżonnu.
Dawn is-salarji żejda kollha kienu jmorru għand Nazzjonalisti?
Ma kinux Laburisti. Iżda rrid niċċara ruħi li fil-KMS hemm ħaddiema Nazzjonalisti li jagħtu qalbhom u li jaħdmu bil-qalb u bla waqfien. U dawn huma n-nies li rrid jaħdmu fil-KMS.
X’inhu r-rwol tal-KMS fis-soċjetà Maltija?
Ir-rwol tagħna li ngħinu lil klabbs biex jinvestu fit-tfal. Niftakar li dik dejjem kienet ir-reliġjon tiegħi anke meta kont sindku tal-Ħamrun kont ħriġt bl-idea li dawk il-Ħamruniżi li jgħixu l-Ħamrun inħallsulhom is-sħubija tan-nursery u b’hekk inkunu qed ngħinu lill-klabb u lill-familji. Meta tinvesti fit-tfal qed tinvesti fis-soċjetà. Irridu nibdlu l-mentalità wkoll li l-isport ma jwasslek imkien għax l-iskola akkademika dejjem tieħu post l-isport. Dan ġara fil-UEFA U17 tournament tal-futbol. Bqajt skantat meta smajt li kien hemm żgħażagħ li ġiethom l-opportunità darba li jieħdu sehem f’dan it-tournament ta’ klassi u minħabba li kien hemm l-eżamijiet kellhom iċedu posthom. Ma nistax nifhem għaliex l-eżamijiet ma ġewx posposti sa wara t-tournament. Din burokrazija żejda għax it-tfal jikbru fl-isport.
“Fil-ġimgħa li l-Laburisti kienu qed jiċċelebraw jien kont fis-sodda nibki u mdejjaq”
Sadattant komplejtu fejn ħalliet l-amministrazzjoni ta’ qabel ‘Summer on the Move’?
It-tajjeb inżommuh iżda ntejbuh ukoll. Li forsi l-poplu ma jafx hu li anke hawn il-KMS irnexxielha tagħmel qliegħ u mhux telf. Fl-2012 il-KMS għamlet €120,000 f’telf. Is-sena li għaddiet it-telf niżżilnieh għal €40,000 u dis-sena rnexxielna nagħmlu qliegħ ta’ €60,000. Dawn huma r-riżultati ta’ meta taħdem bil-għaqal. Is-sigriet kien li ħloqna stħarriġ fost 12,000 parteċipant fejn tlabna lit-tfal u lill-ġenituri x’tip ta’ sport iridu ħalli ma nħallsux kowċis għalxejn. Dis-sena kellna 3,800 parteċipant, 180 kowċ fi 30 dixxiplina/attività differenti. Barra hekk naqqasna l-infiq meta qabel il-kowċis kienu jitħallsu ta’ kwarta qabel u kwarta wara xogħolhom. Neħħejna wkoll tip ta’ sport ta’ avventura li ma kien sewa għalxejn. Iffrankajna wkoll mill-flokkijiet fejn qabel 4,000 flokk kienu jiswewlna €16,000 u dis-sena ġibnihom b’xejn grazzi għall-isponsors. Dan is-suċċess kien mertu ta’ sforz minn tim sħiħ fejn grazzi għal min ried jaħdem qas talab għal ħlas ta’ overtime anke jekk ħadmu wara ħinhom. Dawn irridu napprezzawhom.
Baqgħalkom iżjed xi tnaqqsu?
Le issa rridu biss iżjed flus. Il-fondi tagħna mill-gvern huma ta’ madwar €3 miljun u għall-baġit li ġej tlabtu €2 miljun aktar u dan fuq rakkomondazzjoni tal-awdituri għax hemm impenji li ġejjin mill-amministrazzjoni ta’ qabel li rridu nħallsuhom u ma baqax minfejn nieħdu minn ġewwa. Li nista’ ngħidlek hu li kuljum jitfaċċaw kontijiet ġodda. Jien nara kull ċekk li joħroġ u dawn ħerġin bl-eluf. Il-Gvern irid jifhem li l-isport hu importanti daqs l-edukazzjoni u s-saħħa.
Ma tħossx iżda li l-KMS irid ikun kapaċi jiġġenera flus hu wkoll u mhux jibbaża biss fuq il-baġit tal-Gvern?
Naqbel miegħek. Iżda rridu l-flus f’idejna biex ninvestuhom. Pereżempju aħna nemmnu li hemm kirjiet lil klabbs u assoċjazzjonijiet ta’ artijiet tal-gvern b’irħis ħafna u dawn għarrfu bil-għaqal tagħhom jibdluhom fi spazji ta’ negozju li qed jirrendulhom eluf kbar. Għalhekk nemmnu li f’dawn il-każi l-KMS jieħu perċentwal ħalli mill-flus li jdaħħal ikun jista’ jgħin sports ieħor jew assoċjazzjonijiet oħra li m’għandhomx introjtu. Aħna nemmnu li aħna nagħtuk l-għodda u l-art biex taħdem u taqla’ l-flus iżda milli taqla’ trid tagħti lura wkoll. Barra hekk il-KMS trid tkun regolatur billi tagħti l-assistenza li hemm bżonn iżda fl-istess ħin trid tkun taf x’qed jiġri mill-għajnuna li tagħti. Jekk nagħtu somma lil assoċjazzjoni biex taħdem irridu naraw li jkollna rċevuti tax-xogħol li sar u niċċekkjaw li dak ix-xogħol sar u li ntuża daqshekk materjal li tħallas għalih. Barra hekk kull biċċa xogħol trid toħroġ appalt għaliha u mhux kollox bla kejl u sampling, anarkija sħiħa bla kontroll ta’ xejn.
Għandi pjaċir inħabbar ukoll li se jkun hemm avveniment kbir f’Diċembru li ma nistax ngħid x’inhu għalissa li jekk jirnexxi se jsalva lill-KMS. Hemm imprendituri kbar f’dan l-avveniment u jien għaddejtu lil Prim Ministru.
L-Isport f’Għawdex jaqa’ taħt il-KMS?
Għawdex inħobbu iżda jkolli nammetti li hu repubblika għalih. M’hawnx konnessjoni bejn Malta u Għawdex fejn jidħol sport. Nixtieq nara f’Għawdex li jkun hemm pixxina u aktar faċilitajiet sportivi. Naf li issa nħoloq il-Gozo Sports Board li mhux parti mill-KMS iżda jaqa’ taħt il-Ministeru ta’ Għawdex. Naqbel ħafna miegħu għax issa hemm xi ħadd jaħdem għall-għaqdiet Għawdxin u sirt naf li beda x-xogħol biex isir studju għal kumpless ta’ ‘outdoor sport’ u jsir tibdil sħiħ fil-kumpless sportiv tar-Rabat fejn mistennija tinbena pixxina.
Kif sibt ruħek fil-politika?
Mistoqsija interessanti. Jien l-politika kont nobgħodha. Ommi kienet Nazzjonalista kbira u missieri Mintoffjan mill-kbar. Dejjem kienu jiġġieldu fuq il-politika u b’hekk sirt nobgħodha.
Iżda kont applikajt għal ġurnalist part-time mal-Kulħadd wara li rajt reklam fuq gazzetta. L-interview kienet saritli minn Joseph Muscat u aċċettawni. Dak iż-żmien kont rocker u xagħri twil. Minħabba leħni kienu anke għażluni biex naqra l-aħbarijiet fuq ir-radju u darba minnhom Etienne St John talabni naqta’ xagħri biex nibda naqra l-aħbarijiet fuq il-ONE TV. Qas ħsibtha xejn, għamilt xagħri toppu, qtajtu u sal-lum għadu għand ommi. Qrajt l-ewwel darba fl-20 ta’ Awwissu 1997 u niftakar li kont imwerwer.
Minn hemm tajtha għal politika u tlajt fil-parlament fl-2008 fejn meta Joseph laħaq Kap kien qalli li se nkun il-kelliem għal European Affairs meta jien dejjem stennejt il-kunsilli. Iżda ma jiddispjaċinix għax illum qiegħed ċermen u hu xogħol mill-aktar interessanti.
Però fl-aħħar elezzjoni tlajt bil-ħniena għaliex?
Ħdimt fuq li ħdimt u qatt ma stennejtha mill-Ħamrun. Tajt ħajti għal Ħamrun iżda naħseb li nqbadt fil-kurrent tal-bidla. Ninsab fil-parlament grazzi biss għal missieri li tani kunjomu Busuttil għax bl-alfabett irnexxieli niżgiċċa. Għamilt żmien m’ersaqtx la lejn il-Ħamrun u lanqas lejn il-Belt. Fil-ġimgħa li l-Laburisti kienu qed jiċċelebraw jien kont fis-sodda nibki u mdejjaq. Tgħallimt li fil-politika l-akbar għadu tiegħek mhux il-kandidat tal-oppożizzjoni iżda tal-partit tiegħek u fuq l-ewwel distrett ħarġu 15-il kandidat tal-Labour. Tgħallimt ukoll li marru tajjeb dawk li kienu magħżulin biex imorru fuq il-programmi televiżivi.
Int ma kontx wieħed mill-magħżulin mela. U min kien jieħu dawn id-deċiżjonijiet?
Jien ma mortx tajjeb hux vera? Min kien jagħżilhom ma nafx iżda żgur li kienu jkunu magħżula minn fuq.
U issa qed taħdem differenti?
Ma waqaftx naħdem iżda qed niffoka ħafna fuq il-ħames distrett, speċjalment li qed ngħix Marsaxlokk. Anke d-darba l-oħra ħriġt fuq dan id-distrett iżda ma kontx ħdimt biżżejjed u allura li qed nagħmel differenti issa hu li qed naħdem iktar mill-viċin fuq dan id-distrett għax nemmen li l-fiduċja li qed juruwni n-nies tal-lokal hi waħda ġenwina.
“Hemm ħaddiema Nazzjonalisti li jagħtu qalbhom u li jaħdmu bil-qalb u bla waqfien”