“Karriera b’vokazzjoni tagħtik sodisfazzjon”
Intervista ma’ Joseph Cachia li hu l-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija. Cachia jitkellem fuq jekk tħares lejn karriera fil-Pulizija bħala vokazzjoni, allura se jkollok sodisfazzjon f’dak li qed tagħmel
minn John Pisani
Kif tħajjart biex tidħol fil-Korp tal-Pulizija?
Minn dejjem kont inħobb is-servizz u kif spiċċajt mill-iskola l-għażla kienet ovvja, jew mal-Armata jew fil-Pulizija. Bdejt billi dħalt fil-Korp tal-Pijunieri fejn minn hemm kont għamilt l-eżami u dħalt fil-Korp tal-Pulizija.
Fejn bdejt bħala kuntistabbli?
Fl-1975 bdejt bħala kuntistabbli fl-Għassa taż-Żejtun. Dak iż-żmien kien hemm ħames distretti, mhux bħal-lum fejn għandek 12-il distrett u ż-Żejtun kien jagħmel parti mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid li kien Distrett numru 4 li kien ikopri n-naħa t’isfel ta’ Malta kollha.
Kien hemm is-Supretendent Paul Mamo, mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid, fizzjal u ġentlom li tgħallimt ħafna minnu, u kif sar jaf bija kien ħadni miegħu fl-uffiċċju fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid. Sal-lum għadni ngħożż noti li kien għaddieli s-Sur Mamo.
Sentejn wara tħajjart biex napplika għar-rank ta’ spettur u sirt spettur fis-7 ta’ Diċembru 1977.
Minn kuntistabbli għal Spettur bla ma kont surġent?
Dak iż-żmien mhux bħal-lum. Dak iż-żmien is-sistema kienet aħjar għax trid taħdem għall-pożizzjoni u mhux interview biss. Kont trid tagħmel eżami li kien jirrikjedi li tieħu lezzjonijiet fil-privat. Biex nistudja l-liġi kont immur għand Dr Joe Buttigieg li kien ħa paċenzja kbira bija.
Peress li kont naħdem fl-uffiċċju, wara x-xogħol kont immur għall-privat. Però min kien jaħdem fl-uffiċini, dak iż-żmien meta kien ikun hemm il-Parlament, kien ikun stand-by fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana. Allura mhux l-ewwel darba li kien itini l-lezzjonijiet fis-6am qabel hu jmur il-Qorti u qabel nibda x-xogħol. Allura meta tgħaddi mill-eżamijiet u tilħaq, tgħid jien din ħdimt għaliha.
Ara llum biex issir spettur tagħmel interview u wara sena l-Università.
Meta sirt spettur, fejn kont stazzjonat?
Kif sirt spettur erġajt spiċċajt fl-Għassa taż-Żejtun. Kien tana l-appuntament l-Kummissarju John Cachia u ġejt stazzjonat iż-Żejtun. Kont trid taqdef għal rasek. Imma kont sibt għajnuna kbira mingħand uffiċjali, anzjani li kienu stazzjonati Raħal Ġdid u ż-Żurrieq. Konna naħdmu ħafna flimkien.
Sal-lum il-ġurnata hawn min jgħidlek li mid-Distrett titgħallem ħafna. X’inhi l-opinjoni tiegħek?
Ix-xogħol tal-Pulizija fid-Distrett għandu s-sabiħ tiegħu. L-ewwel nett qed tilbes l-uniformi. Jien minn dejjem kont inħobbha l-uniformi.
Wara ż-Żejtun kont għamilt xi żmien Bormla u fl-1980 kont stazzjonat fl-Ajruport mas-Security Branch.
Fl-ajruport kien xogħol verament interessanti. Kienet xi ħaġa ġdida, anke għall-Pulizija. Kienu għadhom kif telqu l-Ingliżi minn Malta u s-sigurtà tal-ajruport kienet għall-ewwel darba fdata f’idejn il-Pulizija Maltija.
Barra s-sigurtà xorta kien hemm ix-xogħol normali ta’ Pulizija fosthom rapporti li kienu jagħmlu xi turisti, serq mis-sezzjoni tal-merkanzija u problemi oħrajn li bħala pulizija konna rridu nieħdu rapporti u ninvestigaw.
“Fil-Korp qatt ma tkun taf kollox. Dejjem se titgħallem xi ħaġa ġdida”
Barra minn hekk il-Pulizija kienu wkoll responsabbli mill-mitjar. Niftakar fejn darba kien hemm ħabta fejn trakk baqa’ dieħel f’ajruplan. Kien hemm ukoll każijiet ta’ theddid ta’ bombi fuq xi ajruplan li jkun wasal biex jitlaq, insomma kien xogħol verament interessanti.
Wara l-ajruport kont mort id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (DIK)?
Qabel bdejt mas-CID, il-Korp kien introduċa t-taħriġ fil-Para-militari fejn konna mmoru fil-Barracks ta’ Għajn Tuffieħa. Konna nitħarrġu flimkien mas-suldati mill-Missjoni Militari Taljana stazzjonati f’Malta.
Miegħi kien hemm l-Ispettur Charles Cassar. Wara hemm, fl-1983 kont ġejt stazzjonat is-CID.
Kien fit-tmeninijiet meta mort id-D.I.K. Snin bi problemi…
Eżatt. Kien żmien iebes. Kien żmien tal-bombi. Domt hemm madwar sentejn. Kull darba li kont inkun tal-għassa, ibqa’ ċert li konna mmorru ninvestigaw każ ta’ bomba. Kienu anke ġew Malta l-Pulizija Taljana biex jassistuna fl-investigazzjonijiet dwar dawn il-każi tal-bombi.
Minn hemm kont mort mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, imma kien perjodu qasir ta’ ftit xhur. Jekk mhux sejjer żbaljat għamilt hemm minn Mejju sa Novembru.
Kien ukoll żmien ta’ sodisfazzjon. Dak iż-żmien konna sibna l-akbar qabda ta’ droga sa dakinhar. Konna għamilna rejd fl-Imqabba fejn sibna aktar minn tunellata ta’ kannabis. Kienet mixtla fi ġnien. Wara li saru l-investigazzjonijiet kollha konna ħraqna kollox fl-inċeneratur tal-biċċerija.
Kellna operazzjoni oħra tajba fix-Xatt tal-Birgu fejn konna poġġejna n-nies tagħna “undercover” wara li waslitilna informazzjoni li kien se jkun hemm negozju fid-droga u fil-ħin opportun dħalna fuqhom u sibna numru ta’ pilloli li kienu LSD.
Wara l-perjodu mad-D.I.K., fejn mort?
F’Novembru tal-1984 kont trasferit lejn Għawdex.
Għawdex kien qisu Kwartieri Ġenerali għalih. Kien għadu kif sar Distrett għalih, Distrett numru 6. Konna nagħmlu kollox aħna bħal eżamijiet tal-liċenzja tas-sewqan, eżamijiet tal-vetturi, reġistrazzjoni tal-armi. Kellna wkoll it-Taqsima tat-Tifi tan-Nar, insomma konna qisna kellna Malta imma fiċ-ċokon – Depot ieħor.
X’responsabbilitajiet ġabet magħha l-promozzjoni għal Supretendent?
Sirt Supretendent f’Ġunju tal-1985 u bqajt Għawdex sa Marzu 1987 fejn dak iż-żmien kien hawn l-Elezzjoni Ġenerali fejn kont ‘laison officer’ mal-Uffiċċju Elettorali.
Wara l-Elezzjoni ġejt trasferit għall-Għassa tal-Mosta li dak iż-żmien kien għadu Distrett numru 5 li kien ikopri minn Birkirkara ’l fuq. Kien fl-1988 li nbidlu d-Distretti meta Malta nqasmet f’żewġ reġuni – Reġjun A u Reġjun B u kienu saru l-Assistenti Kummissarji u mill-Mosta nżilt Raħal Ġdid.
Minn Raħal Ġdid erġajt mort il-Mosta sa Settembru 1990 fejn erġajt kont mad-D.I.K. L-ewwel omiċidju li kont involut fih seħħ ftit wara, dak ta’ Joe Borg, l-għassies mal-fabbrika tal-għaġin f’Ħal Qormi fid-29 ta’ Settembru.
Kien hemm perjodu meta fid-Distretti kien hemm ukoll il-Pulizija mid-D.I.K. Kien pass tajjeb?
Il-Pulizija tad-D.I.K. fid-Distretti kienu ġew introdotti fl-1991. Ħriġna mid-Depot. Nemmen li spettur tad-D.I.K. li jkun fid-Distrett li xogħlu jkun investigazzjonijiet biss fid-Distrett, hija ta’ għajnuna kbira.
Il-vantaġġi huma diversi. Fosthom għandek Pulizija li jkun fl-Għassa u jaf jisma’ xi ħaġa fuq xi każ li jkun qed jiġi investigat u aktar faċli jekk għandu l-ispettur tad-D.I.K. miegħu. Barra minn hekk jekk ma jseħħx reat, dawn ikunu jistgħu jagħmlu rondi fejn jagħtu inqas fil-għajn għax huma pajżana.
Din is-sistema kienet tat il-frott u diversi Spetturi tad-D.I.K stazzjonati fid-Distretti kienu solvew numru sabiħ ta’ każi ta’ serq.
Fost dawk li kien għamel suċċess fid-Distretti kien l-eks-Kummissarju John Rizzo meta kien stazzjonat Raħal Ġdid u kien solva numru ta’ serqiet.
La kont surġent u lanqas Assistent Kummissarju, ngħid sew?
Eżatt. Kif għidtlek qabel minn Kuntistabbli kont sirt spettur. Imbagħad fl-1996 minn Supretendent kont ġejt promoss Deputat Kummissarju fejn domt 17-il sena, li naħseb huwa rekord. Fil-fatt inħtart Deputat Kummissarju f’Settembru 1996 sa Jannar 2014.
Kemm tħajjar liż-żgħażagħ tal-lum biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija?
Jekk tħares lejn karriera fil-Pulizija bħala vokazzjoni, allura se jkollok sodisfazzjon f’dak li qed tagħmel. Ma tridx issir Pulizija biex ikollok sempliċiment impjieg. Fi kważi karriera ta’ 40 sena, dejjem sibt x’nitgħallem fil-Korp. Qatt ma taf kollox. Li tmur filgħodu għax-xogħol u ma tafx x’se ssib għax mhux xogħol ta’ rutina, jagħmel ix-xogħol tal-Pulizija interessanti. Dejjem tista’ ssib sfida ġdida.
Immaġina li int spiċċajt minn ġurnata xogħol u tmur id-dar u tgħid “illum għent lil Mister X għax għamiltlu ħajtu ftit aktar faċli. Anke jekk ingħata ċitazzjoni, se tgħallmu għaliex kiser il-liġi. Tgħidlu kif u għaliex naqas, imma hemm mod u mod kif tkellem persuna anke jekk kiser il-liġi.
Il-mod kif tkellem persuna hija importanti. U din li qed inħarġu r-rekluti fl-Akkademja.
Taħseb li għad hawn min irid isir pulizija għax forsi jkun qata’ qalbu milli jsib impjieg ieħor? U l-fatt li wara 25 sena servizz jistgħu jirtiraw u jkunu għadhom żgħar, hija attraenti?
Issib minnhom iva li jidħlu pulizija għax ikunu jridu impjieg. Il-vokazzjoni biss kultant mhix biżżejjed. Il-kundizzjonijiet li joffri l-Korp tal-Pulizija huma wkoll attraenti. U allaħares ma jkunx hekk. Matul is-snin il-kundizzjonijiet tjiebu ħafna.
Hemm ukoll ġenituri li jħajru lil uliedhom biex isiru pulizija għax in-nannu kien pulizija, hu kien pulizija, iz-ziju pulizija. L-ewwel nett, it-tifel jew it-tifla trid issir pulizija? Huwa mħajjar biex isir pulizija jew int qed tħajru biex jidħol pulizija? Ikollok ġenituri li jħajru lil uliedhom biex jidħlu pulizija għax huwa impjieg sod. Jekk dak iż-żagħżugħ jew dik iż-żagħżugħa huma mħajrin biex isiru pulizija, għaliex le? Bħal kull impjieg ieħor dan ix-xogħol għandu s-sabiħ u għandu l-ikrah tiegħu.
Bħala l-Kmandant tal-Akkademja l-ġdida, x’hemm differenti mit-taħriġ li qed jingħata llum minn dak ta’ qabel?
Fi żmieni lanqas kienet teżisti l-akkademja. Qabel kien hawn l-iskola tat-taħriġ, li kienet tagħmel parti mid-Depot, u konna nitgħallmu l-bażiku bħalma kienu l-kontravenzjonijiet tat-traffiku, l-ordni pubblika, kien taħriġ limitat. Matul is-snin sar avvanz kbir fit-taħriġ. Mhux hawn Malta biss imma kull Korp tal-Pulizija madwar id-dinja.
Illum l-Akkademja toffri kemm taħriġ fiżiku kif ukoll akkademiku. Hawnhekk jingħataw lezzjonijiet f’diversi suġġetti fosthom il-liġi, ħarsien tal-klijent, kif għandhom jittrattaw vjolenza domestika u dawk soċjali u suġġetti oħrajn.
Anke l-ambjent huwa isbaħ u modern. Ħafna aħjar minn kif kienet l-Akkademja f’Sant’ Iermu u Santa Venera.
Hawn min jgħidlek li ssib Pulizija li kif jilbsu l-uniformi jsiru ‘Rambo’, jagħmlu l-arja għax lebsin l-uniformi. Vera?
Hawn tidħol il-maturità. Parti mit-tagħlim li nagħtu fl-Akkademja hija li l-unifromi mhux se ttik vantaġġ. L-uniformi se ttik responsabbiltà. Jekk Pulizija għandu l-poter tal-arrest, fl-istess ħin għandu wkoll ir-responsabbiltà. Jekk meta tilbes l-uniformi l-liġi ttik li tista’ tuża l-forza, għandek ir-responsabbiltà li se tuża dik il-forza li hija neċessarja u li hija indispensabbli li tintuża. Mhux issir ‘Rambo’ għax wara trid tirrispondi għal għemilek u hemm il-konsegwenzi.
Fl-Akkademja qiegħed isir it-taħriġ b’mod regolari lill-membri kollha tal-Korp?
Int taf, għax issegwi dak li jiġri fil-Korp mill-qrib, li kien hemm żmien li dan it-taħriġ waqaf. Bħalissa qed isir studju ta’ kif għandu jsir it-taħriġ, u nittamaw li fil-futur qrib dan it-taħriġ lil kull membru tal-Korp jerġa’ jibda jingħata. Dan jinkludi taħriġ fl-isparar, taħriġ fiżiku kif ukoll akkademiku biex kulħadd jinżamm aġġornat ma’ kull tibdil fil-liġi.
“Il-vokazzjoni biss kultant mhix biżżejjed. Il-kundizzjonijiet li joffri l-Korp tal-Pulizija huma attraenti wkoll”
Wara li r-rekluti jtemmu l-kors tagħhom, qegħdin joħorġu mill-Akkademja lesti biex jiffaċċjaw ir-realtà tal-ħajja, il-kriminalità u l-problemi li se jsibu ma’ wiċċhom?
Fil-Korp qatt ma tkun taf kollox. Dejjem se titgħallem xi ħaġa ġdida. Mill-Akkademja se joħorġu ppreparati għax-xogħol bħala membru tal-Korp tal-Pulizija. Kif ikunu hemm barra se jkomplu jitgħallmu mill-esperjenza, però l-bażiku kif għandek iġġib ruħek man-nies, il-liġijiet u dak kollu bażiku, allura iva r-rekluti joħorġu minn hawn ippreparati biex jaqdu dmirijiethom bħala kuntistabbli.