Missjoni Possibbli: is-salvazzjoni tal-Air Malta
Iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta Joseph Galea jikkonferma li l-linja nazzjonali tal-ajru rreġistrat telf ta’ madwar €16-il miljun • Il-management tal-Air Malta mhux qed ikun informat dwar in-negozjati tal-Gvern biex jinstab sieħeb strateġiku
minn Daniel Mizzi
Tliet snin wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat pjan ta’ ristrutturar sabiex l-Air Malta tiġi salvata minn falliment, il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru jidher li huwa mċajpar hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva għamlet telf ieħor ta’ €16-il miljun, minkejja li kien previst li sa dan iż-żmien tkun waqfet tagħmel it-telf.
Dan qalu ċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta Joseph Galea, li f’intervista mal-ILLUM stqarr li “t-triq hija waħda diffiċli u kiefra”, u li aktar minn hekk, “l-ambizzjoni tagħna issa hija li sa seba’ xhur oħra, iġifieri fit-tmiem tal-pjan tar-ristrutturar, mhux li l-Air Malta tagħmel profitt, imma li tkun waqqfet it-telf tagħha”. Ma’ dan il-ġurnal, Galea ammetta wkoll li l-management tal-Air Malta mhux qed jiġi infurmat dwar in-negozjar tal-Gvern biex jinstab sieħeb strateġiku għall-Air Malta, u li aktar minn hekk, “mhux l-interess tal-management li jkun jaf dan.”
“Il-Gvern huwa s-sid ewlieni tal-Air Malta u għaldaqstant, in-negozjar qiegħed f’idejh. Kull deċiżjoni f’dan il-qasam hija prerogattiva tal-Gvern innifsu u ma naħsibx li l-Gvern għandu għalfejn jinfurmana b’li qed isir. Infakkar li bħala sid ewlieni, il-Gvern mhux obbligat li jinforma lill-impjegati tiegħu, u aktar minn hekk mhux l-interess tagħna li nistaqsu u li niġu informati,” qal Galea.
Iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta jinsisti li minkejja li deċiżjoni bħal din tħalli impatt kbir fuq il-futur tal-linja nazzjonali Maltija, l-irwol tal-management huwa li jagħti informazzjoni sabiex il-Gvern ikun jista’ jinnegozja, u dan jieħu l-aħħar deċiżjoni.
“Id-dmir tal-management huwa li l-kumpanija terġa’ ssir profittabbli u li l-valur tal-kumpanija jiġi mkattar u l-introjtu jikber. Jekk il-Gvern għandu s-sehem ewlieni mela għandu s-setgħa li jiddeċiedi x’inhu l-pass li jmiss għall-Air Malta,” insista Galea.
Madankollu, l-omertà min-naħa tal-Gvern mhi tinżel xejn tajjeb mal-istakeholders ewlenin tal-Air Malta, b’mod partikolari l-Assoċjazzjoni tal-Bdoti u l-Unjin tal-Cabin Crew li f’kummenti mal-ILLUM il-ġimgħa li għaddiet qalu li m’hemm l-ebda sieħeb strateġiku interessat fl-Air Malta, u li huma, flimkien mal-ħaddiema qed jitħallew fil-għama. Aktar minn hekk, huma diversi persuni fl-industrija li jgħidu li l-problemi fi ħdan l-Air Malta huma frott id-deċiżjonijiet dubjużi meħudin mill-politiċi, li xi kultant ittieħdu minn wara dahar il-ħaddiema.
L-Air Malta m’adattatx maż-żminijiet
Iżda mal-ILLUM Joseph Galea isostni li l-problemi tal-Air Malta mhux minħabba dan, iżda peress li l-linja tal-ajru m’addattatx għat-tibdil fl-industrija.
“L-Air Malta ma nbidlitx maż-żminijiet u b’konsegwenza t’hekk ma kinitx kapaċi taffaċċja l-kompetizzjoni. Fil-passat l-Air Malta ma kinitx dinamika biżżejjed u għaldaqstant huwa importanti li llum il-ġurnata, l-Air Malta tkun kapaċi tevolvi u taddatta għall-bżonnijiet tal-konsumatur,” huwa qal.
Galea qal li kuntrarju għal dan, il-linji tal-ajru low cost kienu kapaċi jadattaw u joħolqu bżonnijiet ġodda. Bl-istess mod, Galea jispjega kif llum il-ġurnata l-konsumatur għandu għarfien akbar tas-suq u l-kompetizzjoni kibret ħafna, b’33 linja tal-ajru joperaw f’Malta biss.
Minkejja li Galea jistqarr li l-miġja tal-linji tal-ajru f’Malta waslu għal telf fl-Air Malta, din tal-aħħar ma tistax tikkompeti ma’ linji kbar Ewropej bħal Lufthansa, Ryanair u Easyjet. Minflok, huwa jinsisti li s-soluzzjoni hija l-konsumatur innifsu.
“Fid-dinja tal-lum mhux neċesserjament min hu l-ikbar se jirnexxi, imma min hu kapaċi jilqa’ l-isfida biex jadatta għall-bżonnijiet tal-konsumatur. L-Air Malta trid tikkonsolida s-suq li għandha u trid suċċess billi tkun l-aħjar għażla għall-klijent.”
“Huwa għalhekk li l-Air Malta qed timplimenta bosta miżuri sabiex ikun hemm iktar trasparenza fis-servizzi li qed toffri u sabiex il-klijent ikollu għażla kbira quddiemu, ikun jaf kif għandu jixtri u jkun jaf li qed jieħu l-valur ta’ flusu lura,” huwa jsostni.
Ma’ dan il-ġurnal, Galea qal li jekk l-Air Malta jirnexxielha tirrapreżenta lilha nnifisha bħala l-linja tal-ajru li toffri l-aħjar għażla lill-klijent, huwa kunfidenti li tkun f’pożizzjoni li terġa’ tirkupra parti mis-suq li tilfet matul is-snin.
‘Il-Low cost mhux orħos mill-Air Malta’
“Hemm perċezzjoni fis-suq li l-linji tal-ajru low cost huma orħos mill-Air Malta, iżda din hija biss perċezzjoni. Fil-verità, f’bosta każijiet, it-titjiriet tal-Air Malta jkunu irħas u jkunu jinkludu pakkett sħiħ, inkluż ikel u bagalja mingħajr ħlas żejjed.”
Galea jispjega kif grazzi għall-miżuri li qed jittieħdu mill-Air Malta, il-konsumatur qed jirealizza li s-servizz offrut huwa wieħed superjuri, u li minħabba dan, l-ammont ta’ passiġġieri dejjem qed jiżdied, sena wara sena.
Iżda lil hinn minn dan kollu l-mistoqsija li jmiss hija waħda inevitabbli: Għaliex l-Air Malta kompliet titlef il-flus jekk in-numru ta’ passiġġieri dejjem qed jiżdied u s-servizz huwa wieħed superjuri?
Galea jsostni li fil-verità, s-soluzzjoni aħħarija mhix waħda unika u wisq inqas hija faċli. Minflok huwa jgħid li l-miżuri kollha huma parti waħda minn katina.
“Ta’ min ifakkar ukoll li l-punt tat-tluq tal-Air Malta kien dak ta’ telf ta’ €60 miljun u llum il-ġurnata naqas għal €16-il miljun. Il-problema tal-Air Malta ma tistax tiġi solvuta mil-lum għal għada imma gradwalment. Il-fatt li t-telf naqas b’mod konsiderovli juri li l-Air Malta qed timxi fit-triq it-tajba, iżda madankollu, baqa’ xi jsir u t-triq hija iebsa,” Galea sostna.
“Il-klijenti qed japrezzaw li l-Air Malta qed tagħmel sforz biex traħħas il-prezzijiet iżda din waħedha mhix se ssalva l-linja tal-ajru. Hemm deċiżjonijiet oħrajn, fosthom dawk ta’ tnaqqis ta’ spejjeż li qed jittieħdu flimkien ma’ inizjattivi oħrajn.”
Mistenni li terġa’ tagħmel telf ta’ €16-il miljun
Madankollu, filwaqt li ma jistax jiġi miċħud li t-telf tal-linja tal-ajru nazzjonali naqas matul is-snin, mhux talli l-għanijiet kemmxejn ambizzjuzi tal-Air Malta ma ġewx milħuqin iżda, aktar inkwetanti, qegħda lura ħafna. Dan kien kollu pubbliku fl-aħħar rapport finanzjarju tal-Air Malta li wera kif fis-sena finanzjarja li spiċċat f’Marzu tal-2014, l-Air Malta rreġistrat telf ta’ €16-il miljun meta suppost kellha twaqqaf it-telf.
Aktar minn hekk, skont iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta, dan il-fenomenu mistenni jkompli, hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva, huwa mistenni li l-Air Malta tirraporta telf ta’ €16-il miljun, sena biss qabel ma hi suppost tkun qed tagħmel profitt. Galea jistqarr li dan it-telf huwa bla dubju ostaklu sabiex l-Air Malta tirraporta profitt fi tmiem il-pjan ta’ ristrutturar, iġifieri f’Marzu tal-2016.
“Din is-sena hija importanti li nkunu f’pożizzjoni li ma nagħmlux telf, iżda għadu kmieni wisq biex ngħidu biċ-ċert jekk hux ħa jkun hemm xi profitt jew telf, hekk kif żmien is-sajf huwa wieħed kruċjali. Importanti li meta naslu fi tmiem il-pjan ta’ ristrutturar, il-kumpanija tkun b’saħħitha biżżejjed biex tfendi għal rasha mingħajr ebda għajnuna finanzjarja mill-Gvern, u li tkun tista trendi,” huwa sostna.
Jista’ jkollha trodd il-flus mislufin lura
Mistoqsi xi jkunu l-konsegwenzi jekk l-Air Malta ma jirnexxiliex twaqqaf it-telf tagħha sa Marzu tal-2016, Joseph Galea jispjega kif jekk xi ħaġa “diżastruża” bħal din iseħħ, l-Air Malta tista tiġi mitluba sabiex trodd lura l-flus kollha li rċeviet fil-pjan ta’ ristrutturar.
“Skont il-Kummissjoni Ewropea, gvern jista’ jagħti għajnuna finanzjarja lil-linja tal-ajru darba kull għaxar snin u għalhekk fi tmiem il-perjodu ta’ ristutturar, il-Gvern ma jistax jagħti iktar flus lill-Air Malta. Huwa fatt magħruf ukoll li meta kumpanija tingħata flus minn gvern, il-Kummissjoni tista’ titlob lil din il-kumpanija biex tħallas lura l-flus kollha li ngħatatilha mill-Gvern.”
Filwaqt li sa issa jidher li m’hemm l-ebda ħjiel li l-Air Malta miexja f’din it-triq, dan mhux biss l-agħar kas li jista’ jseħħ (worst case scenario) iżda realtà li ġiet esperjenzata minn linji tal-ajru Ewropej oħra – fosthom is-Cyprus Airways. Din kienet linja tal-ajru li kienet simili fl-istruttura tagħha għal dik tal-Air Malta li f’Jannar kellha tagħlaq il-bibien tagħha wara 68 sena, u kellha trodd lura €65 miljun f’għajnuna finanzjarja li kienet irċeviet mill-Gvern Ċiprijott.
“Jekk l-Air Malta tiġi mitluba biex trodd il-flus lura, bla dubju din se tħalli effetti diżastrużi fuq l-linja tal-ajru nnifisha, fuq l-ekonomija Maltija u anke t-turiżmu lokali,” Galea qal. Kompla jgħid li bħalissa, 40% tal-passiġġieri li jżuru Malta fis-sajf jinġiebu permezz tal-Air Malta u li dan jiżdied għal 45% matul ix-xhur tax-xitwa.
Ix-xitwa: problema u opportunità
“Ix-xitwa ġġib magħha problema oħra hekk kif l-ammont ta’ passiġġieri huwa ħafna inqas minn dak tas-sajf. Dan huwa fenomenu li jiġri madwar l-Ewropa kollha iżda jinħass iktar minn Malta għax is-suq lokali huwa iżgħar minn dak Ewropew. Ġeneralment, matul is-sajf, it-turist m’għandux għalfejn ikollu xi raġuni partikolari biex iżur Malta għajr għal dik li jrid jiġi u jgawdi t-temp iżda fix-xitwa, din hija storja differenti. Għaldaqstant, l-Awtorità tat-Turiżmu f’Malta (MTA) qed taħdem ħafna biex tħajjar lit-turisti jżuru Malta matul ix-xitwa billi torganizza xi attivatijiet kulturali jew kunċerti,” huwa qal.
Saħaq ukoll li minkejja li n-numru ta’ passiġġieri żdied, matul l-2015, l-Air Malta soffriet xi nuqqasijiet minħabba l-kriżi fil-Libja. Aktar minn hekk, Galea spjega kif l-idea li l-Air Malta żżid it-titjiriet tagħha lejn ir-Russja sfaw fix-xejn minħabba l-perjodu ta’ instabbilità. Qal ukoll li s-suq bħalissa huwa wieħed sensittiv hekk kif attentat ta’ attakk terroristiku jista’ jkisser is-suq.
L-ewwel nikkonsolidaw, imbagħad destinazzjonijiet ġodda
Intant, mistoqsi jekk l-Air Malta hijiex beħsieba testendi l-operat tagħha f’pajjiżi Ewropej oħrajn, iċ-Chief Commercial Officer tal-Air Malta spjega kif bħala parti mill-kundizzjonijiet imposti mill-pjan ta’ ristrutturar, il-linja tal-ajru kellha ċċedi parti mir-rotot tagħha sabiex linji tal-ajru oħrajn jistgħu jidħlu fis-suq.
“Għalissa, l-għan ewlieni hu li nikkonsolidaw ir-rotot li għandna u imbagħad nanalizzaw destinazzjonijiet oħrajn fejn nistgħu noperaw, sakemm hemm lok għal profitt, kollox hu possibli,” huwa qal.
Galea insista li bħalissa, l-għan ewlieni tal-Air Malta hu li tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha fis suq, u li tista’ tagħmel dan b’inqas ajruplani. Huwa ddefenda d-deċiżjoni li l-Air Malta se tibda topera b’inqas ajruplani u tenna li kuntrarjament għal dak li ntqal mill-Assoċjazzjoni tal-Bdoti, iġifieri li l-Air Malta se tispiċċa f’sitwazzjoni agħar, din id-deċiżjoni kienet “oppurtunità tad-deheb.”
“L-Air Malta se tnaqqas żewġ ajruplani mill-flotta tagħha għax il-kuntratt tal-kirja tagħhom se jagħlaq. Ġietna l-oppurtunità tad-deheb li nnaqsu xi spejjeż, u għalhekk ħadna dan il-vantaġġ. L-ajruplani tal-Air Malta joperaw 12-il siegħa kuljum, filwaqt li l-ajruplani ta’ linji tal-ajru oħra joperaw madwar 15-il siegħa. Huwa għalhekk li l-Air Malta, bil-ħsieb li tnaqqas xi spejjeż, se żżid dawn is-sigħat għal 14 u grazzi għal dan, kemm l-ammont ta’ rotot u kif ukoll il-passiġġieri se jiżdiedu,” huwa temm jgħid.