L-ewwel darba li dħalt fid-djar tal-anzjani, ħriġt nibki - Justyne Caruana

Intervista esklussiva ma' Justyne Caruana

ritratt Ray Attard
ritratt Ray Attard

Justyne Caruana hi avukat ta’ 40 sena, tgħix ir-Rabat Għawdex, miżżewġa lil Silvio Valletta u omm Josephine ta’ 7 snin u Jean ta’ 4 snin. Hi s-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u anzjanità, attiva. Ilha membru Parlamentari mill-2003, jiġifieri 12-il sena

 

Kont bit-tama li niltaqa’ mas-segretarju Parlamentari, Justyne Caruana fil-gżira Għawdxija billi kont naf li kienet fuq vaganza mal-familja tagħha barra minn Malta. Iżda Justyne Caruana mal-wasla tagħha mill-vaganza, xammret il-kmiem għax-xogħol u kelli naqsam il-fliegu biex niltaqa’ magħha fl-uffiċċju tagħha l-Belt.

 

B’suntan mill-isbaħ li qata’ mhux ftit fuq il-libsa bajda li kellha, laqgħetni bid-daħka bħala ħbieb antiki u mill-ewwel bdejna nitkellmu dwar il-ħajja tagħha politika fejn qaltli li ilha fil-politika minn meta kellha 14-il sena fejn kienet anke tiskarta l-privat tal-accounts biex tmur il-laqgħat tal-kumitat fil-każin tal-Labour tar-Rabat. Justyne hi Laburista minn dawk li jissejħu ‘suldati tal-azzar’. “Jien dejjem ħriġt għonqi u kont involuta f’politika li nuri wiċċi u mhux naħbi wiċċi billi nidħol f’xi għaqda oħra b’aġenda politika.”

Qaltli li l-politika għaliha mhix mod kif tieħu xi gwadann, iżda biex tagħmel il-ġid u sservi. “Il-politika hi ħajti, twelidt ġo fiha u għixtha ħajti kollha – hi l-passjoni u l-missjoni tiegħi iżda ma nqisiex bħala il-karriera tiegħi. Anzi tlaqt il-karriera tiegħi ta’ avukat warajja biex inkun nista’ nservi. Għax jien studjajt għal avukat u jkolli nammetti li x-xogħol ta’ avukat, inħoss in-nuqqas tiegħu ħafna għax jien għal hekk studjajt.”

 

Qabel biss bdejt l-intervista, tpoġġew quddiemi kotba dwar id-dimenșja. Kotba li tant għamluha kburija, għax pajjiżna fl-aħħar għandu strateġija nazzjonali fuq id-dimenzja. “Aħna l-ewwel pajjiż fid-dinja li rnexxielna nagħmlu dokument dementia friendly” qaltli kburija, “li huwa ktejjeb b’verżjoni simplifikata biex sew il-familjari ta’ dawk li jbatu bid-dimenzja u anke l-istess pazjenti jistgħu jaqrawh. Dan sar fuq studju u riċerka kbira minn Charles Scerri.  Anke l-kuluri li jintużaw huma apposta biex min ibati b’din il-kundizzjoni jibqgħu jiftakruhom. Per eżempju l-aħmar hu l-aktar kulur li jibqgħu jiftakru u n-numru li jridu jċemplu hu 1771 li wkoll hu numru li jibqgħu jiftakruh. Din ilha snin ġejja iżda ma saret qatt ħlief issa u kellna nibdew kollox mill-bidu. Din l-istrateġija tieħu disa’ snin biex titwettaq u rridu nedukaw u nħarrġu aktar nies f’dan il-qasam għax m’hawnx nies imħarrġa biżżejjed f’dan is-settur.”

 

Wara ħames snin ‘shadow minister’ fuq id-diżabbiltà, sabet quddiemha l-anzjanità attiva, li sa sena ilu, ma kienet taf xejn dwarha. “Iżda jien rasi iebsa u ma naqta’ qalbi b’xejn. L-anzjanità attiva qatt ma ngħatat l-importanza mistħoqqa. Sibt mentalità antika, waiting lists li ma jispiċċaw qatt, servizzi li ma jirriflettux il-bżonnijiet tal-lum u strutturi u binjiet tal-mistħija. L-ewwel darba li dħalt fid-djar tal-anzjani ħriġt nibki, ma kont nistenna qatt li nara f’liema stat ta’ nuqqas ta’ dinjità kienu qed jgħixu l-anzjani tagħna.”

Naqqasna l-‘waiting list’ b’madwar 13%

Mistoqsija dwar jekk irnexxiliex tnaqqas il-waiting lists, qaltli li f’sena waħda  inkiseb suċċess enormi fejn  tnaqqset il-waiting list bi kważi 13% fuq is-sena ta’ qabel. Qaltli wkoll li qed isiru  assesments lil dawk li qed jistennew biex jidħlu fid-djar, biex wieħed ikun jaf kemm hu l-bżonn u min għandu jingħata prijorità. Il-lista ta’ nies jistennew biex isirilhom dan l-assessment f’sena wkoll naqqasnihom b’aktar minn 60%. Jien niltaqa’ ma’ diversi konsulenti ġerjatriċi fejn dawn qed jidħlu f’kull każ individwali u jiġi trattat.

 

Kien hemm min akkużani li qed indaħħal Għawdxin fid-djar f’Malta, li mhux veru xejn. Qed naħdem bis-sħiħ biex l-Għawdxin mhux biss inżommuhom Għawdex, iżda xtrajna sodod mill-privat biex insibulhom post. Barra hekk, is-servizzi li qed noffru f’Għawdex qatt ma kien hemm bħalhom. Minn Jannar li għadda imbarkajna fuq diversi proġetti f’Għawdex. Ftaħna night shelter f’Dar Padova tal-patrijiet f’Għajnsielem, day centre u anke bdejna noffru għall-ewwel darba f’Għawdex servizz ta’ respite biex min jieħu ħsieb l-anzjani u jkun irid isiefer, jistrieħ jew tinqala’ xi eventwalità bħal per ezempju xi operazzjoni, dan jista’ jpoġġihom f’dar sa ma jiġi lura. Barra minn hekk, qed intellgħu konsulent ġerjatriku f’Għawdex biex iżur lill-anzjani tagħna u jara x’għandhom bżonn, għax f’Għawdex m’hemmx dan is-servizz. L-anzjani u n-nies b’diżabilità, nieħu ħsiebhom kollha f’Malta u Għawdex għax ir-responsabbiltajiet tiegħi huma fuq livell nazzjonali.”

 

“Tant hu hekk, li ħloqna djar fil-komunità għal persuni b’diżabbiltà fejn sal-aħħar tal-leġiżlatura se jkollna għaxra. Waħda minnhom f’Għawdex, fis-Siġġiewi, f’Ħaż-Żabbar u f’Pembroke. Tas-Siggiewi tlestiet u ta’ Għawdex se titlesta dis-sena. Ta’ Ħaż-Żabbar u Pembroke jitlestew fi żmien qasir malli joħroġ il-permess tal-MEPA. Bħalissa qed niddiskutu dwar dar oħra ma’ NGO u hemm espressjoni ta’ interess fuq oħra. Jiġifieri se nlestu aktar minn nofshom qabel previst. Dawn se jkollhom nies professjonisti jaħdmu magħhom u mhux jitħallew jaqdfu weħedhom”.

 

‘Learning Hub’ għal persuni b’diżabbiltà f’Għawdex

Iżda s-Segretarju Parlamentari Għawdxija għandha wkoll proġett kbir jinħema f’Għawdex għal persuni b’diżabbiltà “Ħadna proprjetà mingħand il-Knisja, parti mill-Arka u qed nibnu ‘Learning Hub’ fejn se jkun hemm ħafna entitajiet tad-diżabbiltà li fihom se niffukaw fuq il-persuna u din se tiġi operata mill-Għawdxin li jaħdmu mal-Aġenzija Sapport ġewwa Malta. Dan ifisser li se nġibu aktar ħaddiema Għawdxin jaħdmu Għawdex. Minn hawnhekk se jitħaddem ukoll il-proġett li tħabbar fil-baġit, li permezz tiegħu se jinħolqu 80 impjieg għal persuni b’diżabbiltà.

 

Dan barra li fih se jkollna laboratorju b’apparat assistiv u speċjalizzat biex persuni b’diżabbiltà jitħarrġu fuq it-teknoloġija tal-informatika u jkunu jistgħu jsibu impjieg fl-IT u jiġu integrati fid-dinja tax-xogħol. Dan kollu se jibda jitħaddem sal-aħħar ta’ din is-sena.”

 

Komplejna fuq l-anzjani fejn qaltli li kwart tal-popolazzjoni huma anzjani. “U dak li forsi ftit jafu hu li minn studju li sar, hu magħruf li l-volontarjat jaħdem bl-anzjani. Aħna rridu li l-anzjani jibqgħu jaħdmu, biex jaqilgħu iżjed flus u jkunu jistgħu jgħixu aħjar bla bżonn ta’ ħadd, jikkumbattu l-mard mentali u anke d-dimenzja għax ikollhom motivazzjoni f’ħajjithom. Għalhekk se nkunu qed norganizzaw korsijiet biex nuruhom li hemm ħajja oħra u sfidi oħra wara l-kartanzjan.”

 

Saqsejtha jekk hux kuntenta b’dak li għamlet s’issa jew għandhiex iżjed proġetti f’moħħha? Ħarset waħda lejja bi tbissima sarkastika u tatni aħbar mill-isbaħ, “Is-Segretarjat tiegħi flimkien ma’ diversi esperti ħadem fuq pakkett biex nipproponuh lill-Ministeru tal-Finanzi għall-baġit li jmiss jew ta’ wara. Dan il-pakkett għandu żewg aspetti, min-naħa waħda biex aktar employers jigu nkoraġġuti jimpjegaw anzjani, u min-naħa l-oħra, l-anzjani jkollhom inċentiv biex jibqgħu jaħdmu. Fil-fatt, dan il-mudell ressaqnieh fil-baġit li għadda għall-persuni b’diżabbiltà. Nemmen li dis-sena għandu jkun baġit b’saħħtu għall-anzjani, però ovvjament il-Ministru tal-Finanzi m’għandux lili biss.”

 

Tarrfitli dwar kif jopera  ‘service allocation committee’ fejn persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom jista’ jagħżel carer u jħallsu l-gvern. Imbagħad qaltli kif iċ-ċentri tad-dimenzja se jkunu qed joperaw fuq is-sistema ta’ childcare b’xejn “biex appuntu nkomplu ninkoraġixxu kemm lill-ġenituri li għandhom ulied b’diżabbiltà, kif ukoll lill-ulied li jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom biex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.”

 

L-aċċessbilità għal persuni b’diżabbiltà

Id-diskors waqa’ dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità waqt il-festi meta jintrama’ l-armar fuq il-bankini. “Għandna linji gwida li se jiġu nfurzati. Nisperaw li naslu f’punt fejn is-sens komun jirrenja, għax ma nixtiequx li ninfurzaw il-liġi. Il-festa għandha titgawda minn kulħadd.” Weġbitni b’mod ferm sod.

 

Staqsejtha wkoll dwar ilmenti li qed isiru minn persuni li għandhom bżonn wheelchair u dawn qed jitħallew jistennew għax m’hemmx flus biżżejjed. “Id-diżabbiltà madwar id-dinja kollha kibret b’9% u Malta mhux eċċezzjoni. Kull sena jkun hemm baġit għall-Aġenzija Sapport u l-KNPD għal dan il-għan, u ma jkunx biżżejjed biex naqdu lil kulħadd, u dan kull sena jiżdied. Din kienet teżisti u aħna żidnieh iżjed mill-amministrazzjoni ta’ qabel. Issa aħna qed nassessjaw kull applikant u nanalizzaw min għandu bżonn l-iżjed, u meta jispiċċa l-baġit, min jibqa’, jrid jistenna sal-baġit ta’ wara.”

 

Kull ‘blue badge’ se tiġi riveduta

Ilment kbir li hu fuq fomm kulħadd hu l-ammont kbir ta’ blue badges li hawn mal-windscreen tal-karozzi, “Hawn abbuż enormi minn dawn il-badges. Hawn 7,000 li għandhom blue badges. Qed naħdmu fuq riforma biex kull blue badge tiġi riveduta. Il-Blue Badge qiegħda għal min għandu problemi ta’ mobbiltà, u mhux kull diżabbiltà tfisser li għandu jkollok blue badge. Anomalija oħra li indirizzajna kienet li min għandu l-blue badge kien intitolat ukoll għal sussidju fuq tal-linja, li onestament ma nħossx li kienet tagħmel sens. Għalhekk ftehmna ma’ Transport Malta u mal-operatur il-ġdid tal-linja, u issa l-yellow cards  kollha,  jiġifieri dawk kollha li għandhom il-karta tal-identità speċjali għal persuni b’diżabbiltà – hi x’inhi d-diżabbiltà tagħhom se jkollhom sussidju, għax qabel, dawn tal-karta s-safra ma kellhomx.”

 

Staqsejtha jekk minħabba x-xogħol li għandha f’qasam tant kbir hux qed ikollha ħin għall-kostitwenti tagħha f’Għawdex. Pront weġbitni li barra li qed taħdem ħafna fejn jidħlu l-anjzani u nies b’diżabbiltà f’Għawdex, hi dejjem tħalli ħin biex tara lill-kostitwenti tagħha f’Għawdex u tara kif taqdihom fejn tista’. “Kif tista’ tara, kull telefonata li jkolli, nweġibha u kull email li nirċievi, nweġibha jien personali.

 

“Barra minn hekk, qed naħdem biex fil-qasam tiegħi noħloq xogħol għall-Għawdxin bħal fil-każ tal-Learning Hub għall-persuni b’diżabbiltà fejn se noħolqu 80 impjieg għall-persuni b’diżabbiltà . Għandna proġett ġdid bl-ewwel ċentru se jibda f’Għawdex, fejn nies bid-dimenzja jistgħu jittieħdu hemm mill-familjari tagħhom sa ma jmorru jaħdmu u jgħaddu għalihom kif jispiċċaw ix-xogħol. Stil ta’ childcare b’xejn għal nies bid-dimensja. U din se nibdewha f’Għawdex f’Dar Padova f’Għajnsielem, imbagħad jinfetħu oħrajn f’Malta.

 

“Infetaħ uffiċċju tal-KNPD f’Għawdex, Ta’ Sannat u bdejna kors fid-dipartiment tal-anzjani li bi ftehim mal-Università, se jkun ifisser 14-il credit, u jkun fuq livell ta’ ‘O’ level u għalih applikaw record ta’ Għawdxin li jafu li dawn għandhom xogħol mill-ewwel malli jagħmlu dan il-kors. B’hekk se nkunu nżidu xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Kull proġett li qed nagħmlu f’Għawdex, qed joħloq ix-xogħol u dan filwaqt li qed intaffu t-tbatija tal-persuni u tal-familji tagħhom li jibbenefikaw mis-servizzi ġodda li qed nagħmlu”

 

F’din l-intervista ħareġ ċar li Justyne Caruana qed taħdem bla heda fis-settur tagħha, fejn anke f’Għawdex rat kif għamlet biex tgħin lill-Għawdxin u toħloq anke xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex. Dan barra li donnha tatna aperittiv qabel il-baġit għax kienet wisq entużjasta fuq il-proġetti li tixtieq twettaq. 

More in Intervisti