‘Aħna rridu nkunu gwardjani tad-drittijiet tat-tfal’
L-ILLUM intervistat lill-Kumissarju tat-Tfal il-ġdid Pauline Miceli...titkellem dwar Paceville, l-akkużi fuq l-iskola ta' San Pawl il-Baħar u l-ġenerazzjoni 'online'
minn Veronica Lynn Mizzi
Friska friska fil-kariga l-ġdida tagħha ta’ Kummissarju għat-tfal, l-ILLUM iltaqgħet ma’ Pauline Miceli sabiex tiddiskuti l-isfidi u l-kwistjonijiet l-iktar pressanti li ġġib magħha kariga bħal din, il-pjanijiet u l-viżjoni li hemm għal dan l-irwol fil-futur.
Miceli għalkemm ilha biss ġranet fil-kariga, għandha esperjenza wiesgħa f’oqsma li għandhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mat-tfal, billi kienet edukatriċi għal bosta snin, waqt li ilha involuta fix-xandir għal żmien twil. Minħabba f’hekk, Miceli titkellem b’passjoni fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw drittijiet ta’ tfal u esperjenzi diffiċli li jgħaddu minnhom, u għalhekk temmen bis-sħiħ fis-salvagward jar ta’ tali drittijiet fundamentali.
Għalkemm din il-kariga ilha fis-seħħ sa mill-2003, mhux kulħadd jaf x’inhu eżattament l-irwol ta’ din l-kummissjoni, u Miceli tispjega eżattament ix-xogħol propju ta’ din il-kummissjoni, x’inhu. “Bħala kummissjoni, għandna l-obbligu li nħarsu d-drittijiet tat-tfal, li jkopru kull aspett tal-ħajja. U rridu naraw li s-servizzi kollha li jingħataw lit-tfal ta’ kull età ikunu ta’ livell u bl-ebda mod ma jkunu qed jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom, bħal dak tal-espressjoni, kura medika eċċ, li aħna neħduhom ‘for granted’. Fi kliem sempliċi, il-Kummissarju għandu jkun il-vuċi tat-tfal.
Meta mistoqsija dwar kemm hu effettiv dan l-irwol fil-ġurnata tal-lum u jekk hux qed iħalli effett fil-ħajja tat-tfal, Miceli qalet li qed jinħass l-effett, anke fil-konsultazzjoni li ssir fir-rigward ta’ diversi liġijiet li jikkonċernaw lit-tfal . “L-irwol tagħmlu effettiv kemm trid int,” kompliet tgħid il-Kummissarju, “aħna l-entità rikonoxxuta li nitkellmu f’isem it-tfal.”
Il-ħidma fil-prattika
Il-Ministeri differenti huma responsabbli li jagħtu l-għajnuna li jkun hemm bżonn, partikolarment meta jidħlu t-tfal, però, ix-xogħol tal-Kummissjoni huwa wkoll li din l-istess għajnuna mhux biss tkun adekwata, imma wkoll tkun ta ċertu livell. Meta tkellmet dwan dan l-irwol, il-Kummissarju għat-tfal tat l-eżempju taċ-child care centres li għandhom l-għan li jħajru l-ġenituri, partikolarment l-ommijiet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u dan permezz tas-servizz li qed jingħata b’xejn. F’dan il-każ, l-għan tal-Kummissjoni huwa li ssegwi u tara li dawn qed jaqdu l-ħtiġijiet kollha tat-tfal, inkluż dawk psikoloġiċi, biex it-tfal ma jintbagħtux hemm, biss biex iżommuhom sakemm isir il-ħin biex jerġgħu jiġbruhom il-ġenituri, imma wkoll jgħinuhom fl-iżvilupp tagħhom.
Tweġġagħni li s-soċjetà ma tħarisx lejn dan il-grupp tas-soċjetà b’iktar simpatija
Miceli kompliet tispjega kif meta tinġibdilhom l-attenzjoni li fil-qasam edukattiv jew f’oqsma oħra li jaffettwaw lit-tfal, hemm xi każi li hemm xi servizzi li mhux qed jingħataw lit-tfal, il-Kummissjoni jeħtieġ li tinvestiga. Miceli żżid tgħid li, “fejn jidħlu t-tfal, il-kwistjonijiet ikunu pressanti, u ma tistax tħallihom jistennew sena għax f’sena jinbidlu l-klassijiet, is-sistema, u jinbidel kollox.” Fil-fatt, il-Kummissarju kompliet tistqarr li fil-ftit żmien li ilha f’din il-kariga, diġà daħlu każijiet sabiex jiġbdulha l-attenzjoni dwar xi sitwazzjonijiet. Dan jixhed li hemm kuxjenza u għarfien tal-Kummissjoni fost in-nies, u jkunu huma stess li jitolbu l-għajnuna meta jkunu jeħtiġuha, u minn hemm isiru l-kuntatti neċessarji biex isiru jafu x’inhi eżattament is-sitwazzjoni u kif din tista’ tittejjeb.
Tfal mingħajr identità
Iċ-cirkostanzi tal-lum huma differenti minn dawk ta’ snin ilu, u l-fenomenu tal-immigrazzjoni huwa ikbar minn qatt qabel fir-reġjun tagħna. Dan iġib miegħu implikazzjonijiet serji anke fejn jidħlu ċerti drittijiet.
“Għalkemm l-identità, hi l-aktar ħaġa bażika, f’pajjiżna sfortunatament għandna sitwazzjonijiet fejn xi ftit tfal m’għandhomx iċ-certifikat tat-twelid, li jagħtihom l-identità.” Miceli kompliet tispjega li fil-fatt, dwar din il-kwistjoni, diġà bdiet il-ħidma, u d-diskussjonijiet bdew iżda d-drittijiet ta’ dawn it-tfal għadhom mhumiex imħarsa biżżejjed. Miceli tistqarr li din il-kwistjoni hi waħda li ġibditilha l-attenzjoni u se tkun qed taħdem partikolarment fuqha wara li laqatha b’mod speċjali l-ewwel każ li ġie quddiemha. Dwar it-tfal tal-immigranti, li tagħhom hi wkoll hi l-vuċi, Miceli qalet li, “dawn it-tfal huma intitolati għad-drittijiet tagħhom, imma hemm problema li qed iċaħħduhom mill-iktar drittijiet bażiċi.”
Kun għaqli online
Kulħadd konxju li t-tfal, anke dawk f’etajiet żgħar ħafna huma familjari ferm mat-teknoloġija, u f’xi każi jkunu jafu jħaddmu sew l-aġġeġġi teknoloġiċi qabel ma jkunu jafu jitkellmu. F’każi oħra, l-adulti jkunu dawk li jitolbu l-għajnuna liż-żgħar u mhux bil-kontra meta jħabbtu wiċċhom ma’ xi diffikultà. Però, dan kollu jġib miegħu sfidi u responsabbilitajiet kbar dwar dak li jkun qed isir fid-dinja virtwali meta huwa dejjem iktar diffiċli li tikkontrolla xi jkunu qed jagħmlu t-tfal. Dwar dan, il-Kummissarju għat-tfal uriet it-tħassib tagħha, waqt li tkellmet dwar kampanja li tinsab fis-seħħ bl-isem ta’ ‘Be Smart Online’, ħalli jekk mhux dejjem possibbli li l-ġenituri jikkontrollaw dak li jagħmlu wliedhom online, it-tfal ikunu mdorrijin u mgħallma kif jagħmlu deċiżjonijiet aktar għaqlin fuq l-internet. F’din il-kampanja, irid jitwassal “il-proġett tal- ‘Be smart online’ huwa wieħed importanti ħafna għaliex it-tfal saru jafu jużaw l-internet qabel ma jkunu kapaċi jitkellmu.” Fi kliem Miceli stess, “ma nistgħux inwaqqfu t-teknoloġija, imma rridu ngħallmu iktar lit-tfal u nwissuhom dwar il-perikli li hemm billi tgħinhom jagħrfu dak li hu tajjeb u dak li mhux.”
It-tfal u d-divertiment
Skont il-liġi, kull persuna li għandha inqas minn 18-il sena hi minorenni, u għaldaqstant magħduda bħala tfal. Bla ebda dubju, kif tistqarr Miceli stess, il-problemi li jinqalgħu f’żgħażagħ ta’ 16-il sena, huma ferm differenti minn dawk ta’ tfal ta’ etajiet iżgħar. Hemmhekk, jidħlu problemi anke familjari minħabba li f’dik l-età, “jieħdu riskji, u huma ribelli, b’mod speċjali mal-ġenituri tagħhom, li xorta waħda jibqgħu responsabbli għalihom minħabba l-età tagħhom.”
Dwar iż-żgħażagħ u l-postijiet ta’ divertiment, Miceli qalet li bħala uffiċju, jridu jkunu proattivi u jippruvaw li sitwazzjoni jilqgħulha minn qabel. Fil-fatt, Pauline Miceli semmiet il-każ tat-taraġ ta Paceville ta’ ftit xhur ilu, fejn hi kienet għadha mhix Kummissarju għat-tfal. “Dakinhar niftakar kont għidt, imma kif? M’hemmx sigurtà u prekawzjonijiet?,” kompliet tgħid Miceli. “Fil-fatt, irriżulta li l-awtorità għas-saħħa u sigurtà ma tkoprix dawn il-postijiet għaliex titratta biss il-postijiet tax-xogħol. Il-Kummissarju kompliet issostni li l-azzjoni għal dan, ittieħdet wara li seħħ il-każ. “Jekk tinnota, malli qam dak il-każ, il-ġuristizzjoni tal-awtorità se jkun iktar miftuħ biex ikopri kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà kullimkien.” Minħabba f’hekk, Miceli għamlitha punt li tkun viġilanti fl-irwol tagħha u “nibqa’ b’għajnejja u widnejja miftuħin biex inkunu proattivi u ma nistennewx li tiġri xi ħaġa sabiex nieħdu azzjoni fuqha, imma naqbdu l-kwistjonijiet aħna biex noħorġu proposti minnhom.”
Irridu nkunu proattivi u ma nistennewx li tiġri xi ħaġa sabiex nieħdu azzjoni fuqha, imma naqbdu l-kwistjonijiet aħna biex noħorġu proposti minnhom
Dwar il-postijiet ta’ divertiment u rikreazzjoni għat-tfal u adolexxenti, Miceli qalet kif fl-etajiet tal-adolexxenza, ħaġa essenzjali għat-tfajliet u l-ġuvintur hi li jibnu relazzjonijiet, u għaldaqstant għandu jkun hemm postijiet fejn jista’ jsir dan. “Irid ikun hemm postijiet li jkunu ‘young people friendly’ anke fl-irħula stess. Xi Kunsilli Lokali joqogħdu jgorru li gruppi ta’ żgħażagħ qed jiltaqgħu fil-bandli u hemm isir vandaliżmu fost l-oħrajn. Issa huwa vera li l-bandli mhux post għalihom, però nistgħu noħolqu spazju għalihom biex ikollhom fejn jiltaqgħu?” staqsiet Miceli biex tindirizza problema kbira fost l-adolexxenti. Pauline Miceli kompliet tistqarr u qalet li “tweġġgħani li s-soċjetà ma tħarisx lejn dan il-grupp tas-soċjetà b’iktar simpatija.”
Minn issa ’l quddiem
Meta mistoqsija dwar x’inhi l-viżjoni tagħha bħala Kummissarju għat-tfal ġdid u x’inhuma dawk l-affarijiet li tixtieq tindirizza b’iktar enfasi fit-terminu tagħha, Miceli tkellmet dwar l-importanza tar-riċerka f’oqsma li jidħlu fihom it-tfal. Waqt li tkellmet dwar ix-xogħol li sar fil-passat minn kummissarji li preċedewha, qalet li għandu jkun hemm kontinwazzjoni u tkomplija ta’ dan ix-xogħol. Fil-fatt, qed taħdem, fost l-oħrajn fuq il-konklużjonijiet ta’ riċerka li saret mill-Kummissarju Helen D’Amato dwar il-fostering u kif jistgħu jitjiebu d-drittijiet tat-tfal meta jkunu ngħataw għall-fostering. Semmiet ukoll ix-xogħol li sar fir-rigward tal-liġijiet tal-protezzjoni tat-tfal li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fil-familja. Għal dan, Miceli qalet li tittama li dawn il-politiki ma jdumux ma jiġu ppubblikati, hekk kif jinsabu fil-fażijiet finali tagħhom.
Sfida oħra hija dik marbuta mas-saħħa tat-tfal– l-obeżità u n-nuqqas ta’ eżerċizzju. “Huwa importanti li kulħadd jaħdem flimkien biex ngħelbu din il-problema li qed therri s-saħħa tal-poplu tagħna u tirrovina l-ħajja tat-tfal tagħna,” sostniet Miceli.
Aħna għandna l-interess ta’ dawn it-tfal u mhux ta’ min irid imexxi aġenda razzista
Minkejja dawn l-isfidi kollha li ġġib magħha kariga bħal din li għadha kemm imbarkat fuqha Pauline Miceli, hi tħares b’ottimiżmu għall-futur, u tgħid kif “qed inħares lejn dan ix-xogħol bħala sfida li naħseb li għandi biżżejjed esperjenza kemm parsonali kif ukollma’ tfal oħrajn għax jien għomri u żmieni dejjem imdawra bit-tfal fl-iskejjel f’livelli differenti.” Finalment, Miceli tkellmet dwar kemm trid tkun kawta f’dak li tgħid u tagħmel, l-aktar fi kwistjonijiet kemxejn sensittivi bħat-tfal tal-immigranti minħabba li sostniet li ma tixtieqx li kwistjonijiet tagħhom jiġu mżeffna fin-nofs u sosniet li, “aħna għandna l-interess ta’ dawn it-tfal u mhux ta’ min irid imexxi aġenda razzista.”
Miceli temmet tgħid kif il-prijorità tal-ħidma tagħha hi t-tfal u l-ħarsien tagħhom għaliex ,“l-interess ewlieni tiegħi huwa li nagħti vuċi lit-tfal u għalhekk, l-interess primarju tiegħi huwa l-ħarsien tagħhom.” Dwar x’tixtieq li twassal permezz tal-kariga l-ġdida li għandha, Pauline Miceli qalet kif tixtieq li t-tfal, “ikunu iktar indipendenti, ikunu kapaċi jitkellmu iktar u jkunu empowered mhux biss biex jaraw u jagħrfu d-drittijiet tagħhom, imma wkoll jagħrfu iktar responsabbiltà, għax il-bilanċ f’dan l-għarfien iwassal għal-libertà personali.