F'Intervista mal-ILLUM, Cassola dwar l-oppożizzjoni jsemmi li hemm nuqqas kbir ta’ kredibbiltà, u jgħid dan fid-dawl tal-fatt li huwa kien personalment mistieden mill-kap tal-Partit Nazzjonalista sabiex jipparteċipa flimkien mal-AD fil-protesta organizzata mill-PN kontra l-korruzzjoni, u anke jindirizza lil dawk preżenti bħalma għamlet id-deputata indipendenti Marlene Farrugia. Minkejja din l-istedina, Cassola jgħid, “jien għidtlu ċar u tond, aħna bħala Alternattiva għandna l-kredibbiltà, u din ma nistgħux nitilfuha billi jien immur spalla ma’ spalla ma’ Tonio Fenech nipprotesta, meta s-segretarju personali tiegħu kien weħel sentenza sospiża fuq tixħim.” Kompla jsemmi kif bħala partit, l-AD ma tistax titlef il-konsistenza billi “mmur spalla ma’ spalla ma’ Busuttil, li wara li ġie elett jgħidlek li Tonio Fenech talab skuża dwar l-arloġġ u l-ajruplan, u allura, l-każ hu magħluq. X’jiġifieri l-każ hu magħluq? Joseph Muscat ukoll qed jgħid hekk, qed jgħid li Konrad Mizzi kien naïve miskin, skuża ruħu, u mietet hemm.”