L-agħar inġustizzja
Jason Azzopardi dwar il private members bill tiegħu li trattat il-każ ta' Emanuel Camilleri
minn Staff Reporter
L-għada li ġimgha ilu ppreżentajt, għan-nom tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex jigu solvuti każijiet ta’ miscarriage of justice, ċempilli saċerdot u qalli li fix-xogħol pastorali tiegħu, kien jaf b’żewġ każijiet oħra bħal ta’ Emanuel Camilleri, li persuni kienu l-ħabs minħabba xhieda falza, iżda ma setax jitkellem iktar għax kien marbut bis-sigriet tal-qrar. Ħeġġiġni nippersisti għax dawn il-vittmi tal-ikbar inġustizzja li tista’ ssir ma’ ħajjet bniedem kellhom bżonn ċavetta li terġa’ tiftħilhom il-bieb ta’ ħajjithom.
Għax tassew, l-agħar inġustizzja hija dik li ssir f’isem il-Ġustizzja. Iġġib il-ġustizzja fix-xejn. Tistupraha. Tiddeformaha. Tirridikola kull sforz biex isseħħ ġustizzja. Għalhekk miscarriage of justice. Minflok ma proċess fil-Qorti iwelled il-ġustizzja, iwelled l-inġustizzja u min hu innoċenti jinstab ħati u jmur il-ħabs meta ma kellux imur il-ħabs.
Ilkoll smajna bil-każ ta’ Emanuel Camilleri li sentejn ilu nstab li kien qatta’ 400 jum fil-ħabs għal xejn. Mhux jum, mhux gimgħa, mhux xahar. Iżda iktar minn sena ħabs għax ħaddieħor xehed il-falz kontrih, frott pika u mibgħeda.
Niftakarni f’Ġunju 2014 nitlob fil-Parlament lill-Ministru għall-Ġustizzja biex nemendaw il-liġi sabiex min kien fil-pożizzjoni ta’ Camilleri jkun jista’ jnaddaf ismu b’mod effettiv u mhux jispiċċa jitkarrab jagħmel il-kawżi kostituzzjonali biex ma jibqax jidher ħati ta’ xi ħaġa li m’għamilx.
Dakinhar, il-Ministru kien qabel mal-emenda żgħira li kont indikajtlu li setgħet issir għall-Artiklu 515 tal-Kodiċi Kriminali u wegħedni li kien se jressaqha fl-ewwel abbozz li jmiss. Iżda għaddew sentejn, u ma sar xejn. Anzi, ibqgħu ċerti li anke jekk Camilleri jirbaħ, wara sentejn passjoni, il-kawża kostituzzjonali li fetaħ, il-Gvern jappella u jgħaddu iktar snin. Jew il-Ministru se jagħtina garanzija li mhux ser jappella? Ċert li tali garanzija ma jistax jagħtihielna.
Erġajt smajt bil-każ ta’ Camilleri meta ġimgħa u nofs ilu ċemplitli martu u talbitni nitkellem fil-Parlament għax il-kalvarju tiegħu kien għadu għaddej, għad li kien ħareġ mill-ħabs fl-2014. Ma kontx naf li ismu kien għadu jidher fuq ir-Reġistru tal-Pedofeli bil-konsegwenza li għall-15-il sena li ġejjin, ma jistax isiefer fejn ikun hemm tfal jew imur fejn minuri. Il-kondotta tiegħu għadha tindikah bħala ħati ta’ pedofelija, għad li l-Qorti sabet li dan kien frott xhieda giddieba kontrih. Tebgħa sewda, odjuża iżda bla ħtija tiegħu.
Għalhekk il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qabel u approva li jien nippreżenta Private Member’s Bill biex iċ-ċavetta li l-artiklu 515 tal-Kodici Kriminali jagħti lil min isofri miscarriage of justice wara ġuri, tkun f’idejn ukoll min isofri tali sfreġju ta’ inġustizzja wara sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.
Li kien ġara hu li fl-1967 kien ġie introdott l-artiklu 515 tal-Kodici Kriminali u kien ta d-dritt lil min kien sofra miscarriage of justice li jitlob li l-każ tiegħu jerġa’ jinfetaħ mill-Qorti tal-Appell Kriminali, wara li jkunu għaddew l-għoxrin jum għall-appell wara l-ġuri li kien ikun sabu ħati. Mela min ġie kkundannat il-ħabs wara ġuri u jiskopri, ngħidu aħna sena, sentejn jew ħames snin wara, li kien hemm provi li juru li kien innoċenti, seta’ jiftaħ il-każ mill-ġdid u jinħeles u ismu jitnaddaf.
Issa rridu niftakru li sa ftit snin ilu, 90% tal-każijiet kriminali kienu jitilgħu ġuri. Illum bil-kontra. Il-maġġoranza kbira tal-każijiet kriminali, kwazi kollha, jibqgħu isfel quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u mhux imorru ġuri. Għax illum, il-Qorti tal-Maġistrati tisma’ każijiet li jġorru magħhom piena ta’ 12-il sena ħabs, u mhux sa 6 xhur ħabs kif kienu sa ftit snin ilu. Mela dak li ma kienx meħtieġ fl-1967 meta daħal l-artiklu 515 tal-Kodiċi Kriminali għax il-Qorti tal-Maġistrati ma kinetx tisma’ ħafna każijiet, jew każijiet ftit li xejn serji, illum huwa meħtieġ bħall-ħobż.
L-abbozz li jien ippreżentajt għan-nom tal-Oppożizzjoni huwa att ta’ umanità u għodda ta’ ġustizzja. Mhux se jkun il-politiku li jindaħal iżda aħna l-politiċi, jekk verament hemm rieda tajba, nagħtu l-għodda lill-Qorti li tiddeċiedi hija jekk kundanna ħaqqhiex tkun konfermata jew imħassra. X’hemm ħażin f’dan? X’ser nitilfu f’dan?
Fin-nofs hemm il-ħajja ta’ nies, bħali u bħalek, li qegħdin il-ħabs, imċaħħdin mill-għeżeż ħaġa li għandu l-bniedem, il-libertà, mhux għax żbaljaw, iżda għax ħaddieħor gideb fuqhom Jason Azzopardi
Nemmen li din hija materja sensittiva wisq biex issir ballun politiku. Nemmen u nixtieq li nogħlew ’il fuq mill-misħuta pika partiġġjana. Fin-nofs hemm il-ħajja ta’ nies, bħali u bħalek, li qegħdin il-ħabs, imċaħħdin mill-għeżeż ħaġa li għandu l-bniedem, il-libertà, mhux għax żbaljaw, iżda għax ħaddieħor gideb fuqhom.
Int kif tħossok jekk xi ħadd jigdeb fuqek? Ma tieħux gost, żgur. Issa kif tħossok jekk minħabba dik il-gidba, ippjanata u maħsuba kontrik, inti tmur il-ħabs? U xi tgħid jekk tmur il-ħabs mhux jum jew tnejn iżda sena u iktar? U jekk dak li qiegħed il-ħabs għal xejn, flok ħaddiehor, ikun ibnek jew żewġek jew missierek xi tgħidli?
Jekk il-Gvern għandu għal qalbu tassew il-ġustizzja, m’hemm xejn x’jitlef bl-emenda li qed nissuġerixxi u li l-Gvern qed jistina rasu jirrifjuta li nibdew niddiskutu fil-Parlament. Hemm kollox x’nirbħu, iżda.
Ejja ma nibqgħux kompliċi fl-ikbar inġustizzja li qed issir. Huma min huma l-vittmi tal-inġustizzja.
Jason Azzopardi huwa x-shadow minister għad-drittijiet taċ-ċittadin, ġustizzja u demokrazija