Il-bereġ tas-saħħa tal-lokalitajiet huma estensjoni taċ-ċentri tas-saħħa, bil-firxa tagħhom tkun iktar wiesgħa. Fil-preżent, pajjiżna għandu 54 berġa li prattikament ikopru s-servizz madwar Malta kollha. Minkejja dan, waqt intervista mal-Kap tad-Dipartiment tal-Kura Primarja Renzo Degabriele l-illum.com.mt jistaqsi dwar ir-relevenza u l-funzjoni li dawn għandhom fil-qasam tas-saħħa llum il-ġurnata. Immedjatament, Renzo Degabriele juri statistika tal-ammont ta’ visti li saru fil-bereġ matul is-sena li għaddiet, li jaqbżu l-106,000 vista. Dan jixhed l-ammont ta’ nies li jagħmlu użu minn dawn iċ-ċentri u għaldaqstant għandhom fiduċja fihom, minflok imorru mill-ewwel fiċ-ċentri tas-saħħa prinċipali jew saħansitra fl-isptar.
Degabriele jsostni li prattikament, hawn berġa f’kull lokalità ta’ Malta, u filwaqt li saħaq li l-affarijiet dejjem jinbidlu, u għalhekk wieħed irid jagħraf l-utilità ta’ dawn il-postijiet, qal ukoll li, “l-qafas tal-kura primarja huwa li jkun viċin il-pazjent fil-komunità tiegħu. Dan is-servizz mifrux, definittivament m’għandux jieqaf, anzi hija xi ħaġa li trid tissaħħaħ.”