‘L-akbar prijorità illi nara hija dik li jkollna Partit aktar ħaj matul il-leġiżlatura kollha’

Wara r-riżenja ta' Chris Fearne, żewġt membri maħbuba mill-Partit Laburista tefgħu n-nomina għall-kariga ta’ deputat mexxej Laburista għall-affarijiet parlamentari u tal-partit. L-ILLUM tpoġġi mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba

Għalfejn aċċettajt li tkun kandidat Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista?  

Aċċettajt illi nidħol għal dan l-irwol għaliex kull meta sejjaħli l-Partit Laburista u l-attivisti tiegħu qatt ma dawwart wiċċi n-naħa l-oħra. Ilni attiv fil-Partit minn mindu kelli 15-il sena, tlajt tarġa tarġa l-istrutturi kollha tal-Partit u llum bis-saħħa tal-fiduċja li dejjem wera fija l-istess Partit Laburista ngħatajt l-akbar privileġġ, dak illi nirrappreżenta lil pajjiżi fil-Parlament Ewropew.  

(Ritratti: James Bianchi)
(Ritratti: James Bianchi)

Issa kien imiss lili sabiex f’dan il-perjodu tant sensittiv għall-Partit Laburista nagħti l-kontribut tiegħi. Qed nagħmel dan mhux għall-gwadann personali tiegħi, m’iniex u m’għandix għalfejn nuża l-kariga ta’ Deputat Mexxej sabiex niġi elett f’xi elezzjoni. Għamiltha ċara kristall li m’għandi l-ebda ħsieb, ħajra jew interess illi nikkontesta l-elezzjoni ġenerali illi jmiss. Għamilt dan il-pass sabiex nara li l-Partit Laburista jkollu l-aqwa tmexxija possibbli matul is-snin illi ġejjin, tmexxija illi terġa’ twassal sabiex il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali illi jmiss. Għamilt dan għaliex nemmen illi għandna nagħtu skop aktar qawwi u rilevanza akbar lill-Partit illi jinsab fil-Gvern. Għamilt dan sabiex insaħħu l-ħafna pożittiv illi għandna fil-Partit u fl-istess ħin nindirizzaw sfidi kbar illi għandna sabiex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’pajjiżna.  

Kif se jirnexxilek tagħmel iż-żewġ xogħlijiet ta’ MEP u President, filwaqt li tibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħek bħala Viċi President tal-S&D?  

Kull min jafni jaf illi meta nidħol għal impenn nagħmel dan b’dedikazzjoni u impenn kbir. Ma kontx se nidħol qatt għal impenn bħal dan kieku kont naf illi ma nistax inlaħħaq mal-impenji tiegħi bħala MEP u Deputat Mexxej fl-istess ħin.  

Għal dawn l-aħħar ħames snin bħala MEP b’mod kontinwu matul il-leġiżlatura kollha u ta’ kull ġimgħa żammejt kuntatt man-nies. Din l-istess rutina ta’ tlett ijiem ħidma fi Brussell u erbat ijiem f’Malta se nkun qed inżommha sabiex il-kuntatt mad-delegati, attivisti, l-istrutturi u anka l-kostitwenti jkun wieħed kontinwu u li ma jaqtax. Mhu se jkun hemm l-ebda proxy illi jaġixxi f’ismi sabiex jagħmel xogħli matul it-tlett ijiem illi nkun fi Brussell jew Strasburgu!  

Alex Agius Saliba, MEP u Viċi President tal-S&D
Alex Agius Saliba, MEP u Viċi President tal-S&D

Talba illi għamilt lill-Mexxej qabel nidħol għal dan l-irwol kienet dik illi madwar l-amministrazzjoni u madwar id-Deputat Mexxej ikun hemm struttura illi taħdem matul is-sena kollha. L-ebda kariga fi ħdan l-amministrazzjoni ħlief dik tal-Kap Eżekuttiv ma hija waħda full-time u għaldaqstant jekk irridu li l-Partit ikun wieħed organizzat b’mod aktar professjonali u jkun aktar effettiv hemm bżonn illi jkollna tim tajjeb u kommess illi jerġa’ jagħti ħajja mill-ġdid, kemm liċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, u anka liċ-Ċentri Lokali madwar pajjiżna.  

X’inhuma l-bżonnijiet immedjati tal-Partit Laburista?  

L-akbar prijorità illi nara hija dik li jkollna Partit aktar ħaj matul il-leġiżlatura kollha. L-ewwel prijorità tiegħi hija dik illi jkollna strutturi aktar attivi fil-Partit illi jaraw illi kull riżorsa illi għandna tintuża b’mod sħiħ u aħjar. Hawnekk nagħmel referenza partikolari għall-attivisti tagħna illi nemmen illi jistgħu jiġu involuti fil-ħidma tal-Partit b’mod ferm aktar effettiv.  

Qatt m’emmint illi Partit fil-Gvern għandu jitfi l-magni u jixgħelhom biss lejliet xi elezzjoni ġenerali. Bidla li nixtieq nara sseħħ bl-aktar mod immedjat hija dik ta’ strutturi fil-Partit illi jkunu l-aqwa boxxla politika għall-Gvern. Iwasslu s-suġġerimenti tagħhom u anka l-kritika tagħhom fejn hemm bżonn sabiex naraw illi l-Gvern jirreaġixxi b’mod aħjar għall-ħtiġijiet tan-nies. Nemmen illi wasal iż-żmien illi jkollna linja aktar ċara bejn il-Gvern u l-Partit. Filwaqt illi l-Partit għandu jkompli jippromovi dak illi qed inwettqu b’tant suċċess bħala Gvern, fl-istess ħin għandna nkunu vuċi soda u kritika ta’ affarijiet illi jistgħu jsiru aħjar. Nemmen illi ż-żmien tal-ħafna “Prosit u Grazzi” għandu jinbidel f’wieħed ta’ suġġerimenti kritiċi u kostruttivi sabiex il-Gvern ikun verżjoni ħafna aħjar tiegħu nnifsu.  

Nemmen li wasal iż-żmien sabiex l-istrutturi tal-Partit Laburista, speċjalment dawk lokali, jerġa’ jkollhom vuċi aktar qawwija fl-istrutturi tal-Partit. Ma nemminx illi l-irwol tal-maġġoranza tal-attivisti fuq bażi lokali għandu jkun ristrett biss għal ġbir ta’ fondi u sħubija fi ħdan il-Partit. Irrid nara diskussjoni politika aktar ħajja kemm fuq bażi lokali u anka fuq bażi ċentrali b’Konferenzi Ġenerali u Kungressi illi jagħtu viżjoni u direzzjoni lil pajjiżna.  

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jiġi deskritt bħala “post mejjet u bla attività”. Kif se tbiddel dan kollu? 

Din hija l-akbar sfida ta’ kull Partit illi jkun fil-Gvern. Però xorta waħda rridu nżommu f’moħħna illi mingħajr Partit b’saħħtu ma nistgħu qatt naspiraw illi jkollna Gvern b’saħħtu.   

Kif diġà sħaqt, l-aktar ħaġa urġenti illi għandna bżonn fil-Partit hija strutturi aktar permanenti sabiex nutilizzaw ir-riżorsi kollha illi għandna b’mod aħjar. Irridu naraw ukoll kif ħa nressqu aktar voluntiera u attivisti lejn l-istrutturi tagħna u nemmen illi dan nistgħu nagħmluh billi jkollna rwol aktar b’saħħtu fid-direzzjoni politika illi bħala Partit nistgħu nagħtu lill-Gvern. Dan irid isir b’kuraġġ u billi nisfidaw ir-restrizzjonijiet tradizzjonali. Nippreferi Partit illi jikkritika lilu nnifsu sabiex l-affarijiet isiru aħjar milli diskussjonijiet u attivitajiet staged illi ma jwasslu għal ebda titjib u direzzjoni lill-Gvern tal-ġurnata.   

Il-każ ‘Joseph Muscat’ jibqa’ suġġett diffiċli. Kif għandu jiġi trattat? 

Għandna nħallu l-proċessi ġudizzjarji jieħdu l-perkors tagħhom. Ma jistax ikun illi nkomplu nagħmlu ballun politiku minn dawn il-proċessi. Kienet ħasra kbira illi lejliet test elettorali dan il-proċess illi kien ilu għaddej żmien twil jispiċċa jiddomina d-diskussjoni politika, dan kollu għaliex kien hemm minn ħaseb illi billi jippubblika inkjesta maġisterjali fil-ftuħ ta’ kampanja elettorali kien se jwassal sabiex jibdel riżultat elettorali. 

Pajjiżna għandu ħafna sfidi quddiemu, għaldaqstant hemm bżonn illi filwaqt illi nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu b’libertà u serenità, ma nħallu lil ħadd jinqeda b’dawn il-proċessi ġudizzjarji sabiex iwaqqaf il-progress ekonomiku u soċjali illi pajjiżna għandu bżonn ikompli jwettaq sabiex jibqa’ miexi ’l quddiem. 

Kif se tikkonċedi qalb il-Laburisti veterani tal-Partit Laburista, ma’ dik tal-attivisti ġodda aktar progressivi?  

Kif diġà spjegajt bl-aktar mod ċar, il-Partit huwa magħmul minn faxex differenti tas-soċjetà tagħna. Nies b’ideat u ħsibijiet differenti. Għaldaqstant għalkemm jeżistu prinċipji fundamentali illi għandhom jaqduna lkoll warajhom fosthom il-prinċipji soċjali-demokratiċi illi għalihom il-Partit Laburista twaqqaf aktar minn 100 sena ilu, hemm bżonn wkoll illi nħallu d-diskussjoni libera fuq l-aġenda progressiva. 

Ma narax u s’issa qatt ma rajt qasma kbira bejn il-ħsibijiet fuq aġenda progressiva bejn ġenerazzjonijiet differenti fi ħdan il-Partit Laburista. Nemmen però illi meta jsiru suġġerimenti għal bidliet riformi progressivi, l-istrutturi tal-Partit għandhom ikunu involuti fid-diskussjonijiet sa mill-bidu nett. L-akbar problemi jinħolqu meta l-affarijiet ma jsirux b’mod strutturat u b’diskussjoni onesta u miftuħa, jew agħar minn hekk issir diskussjoni meta kollox ikun diġà magħluq u maqbul. Kif diġà għedt, nemmen illi meta l-Partit tkellem u ġie kkonsultat dejjem ingħatat l-aqwa direzzjoni possibbli fuq l-aktar diskussjonijiet u riformi importanti illi ttieħdu f’pajjiżna. 

Tibża’ mill-PN? 

Din mhux kwistjoni ta’ biża imma hija kwistjoni illi bħala Partit ma nistgħu qatt nieħdu l-avversarju politiku tagħna for granted. Wettaqna u għandna nwettqu ħafna ġid b’risq pajjiżna, però nemmen illi għandna naraw illi l-affarijiet isiru aħjar f’numru ta’ oqsma fosthom billi nippjanaw aħjar il-futur ta’ pajjiżna. Futur illi għandu jkun mibni fuq ippjanar aħjar u aktar sostenibbli sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin ma tiġix affettwata b’mod negattiv.  

Ma nistgħux lanqas nistrieħu fuq il-fatt illi t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hija waħda dgħajfa u li ma tispirax fiduċja. Irridu nħarsu lejna nfusna u naraw kif nistgħu naġixxu aħjar. Bħala Partit għandna responsabbilità kbira, dik illi ma nibqgħux nitkellmu fuq dawn l-isfidi fil-kurituri iżda nitkellmu b’mod apert u miftuħ kif nistgħu nagħmlu l-affarijiet aħjar. B’hekk biss inkunu nistgħu nirbħu r-rispett tal-maġġoranza tal-elettorat f’Malta u Għawdex.  

Temmen li l-PL jista’ jitlef l-elezzjoni li ġejja?  

Kull test elettorali ma jistax jittieħed for granted. Hija realtà illi matul l-aħħar żewġ testijiet elettorali esperjenzajna faxxa dejjem tikber ta’ Maltin u Għawdxin illi qed jitilfu l-fiduċja fiż-żewġ Partiti l-kbar. Għaldaqstant naħseb illi wasal iż-żmien illi nisimgħu, nifhmu u nattwaw numru ta’ bidliet illi hemm bżonn illi jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli. 

Kif diġà sħaqt, il-Partit Laburista ma jistax jibqa’ biss magna ta’ propoganda għal dak illi jagħmel il-Gvern. Dan huwa rwol importanti, però biex nibqgħu nirbħu l-fiduċja tan-nies irridu noffru s-soluzzjonijiet u nkunu ambizzjużi biżżejjed sabiex nitkellmu b’mod onest fuq dak illi qed jinkwieta u jdejjaq lin-nies.  

Hemm bżonn illi dan isir ukoll b’riforma qawwija fil-mod ta’ kif immexxu ’l quddiem il-messaġġ tagħna anka fuq l-istazzjonijiet tagħna. Nemmen illi biex il-Partit Laburista jibqa’ jkun rilevanti, hemm bżonn illi juża l-għodod tal-media tiegħu b’mod illi jattira aħjar udjenzi ġodda illi japprezzaw aktar diskussjonijiet ibbilanċjati u maturi li ma jkunux biss intiżi sabiex jirrappurtaw dak illi qed inwettqu bħala Gvern. In-nies iridu aktar diskussjoni, iridu jarawna nisfidaw l-istatus quo u lilna nfusna billi ma nibżgħux nitkellmu fuq dak illi nistgħu nwettqu b’mod aħjar. Dan kollu jista’ jixpruna lill-Gvern sabiex jibqa’ aktar viċin l-aspirazzjonijiet tan-nies u sabiex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’dan il-pajjiż. 

Din mhijiex biss ħidma li għandha ssir sabiex il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali illi jmiss. Din għandha tkun ħidma sabiex il-Partit Laburista jibqa’ jiġġedded, jibqa’ rilevanti, jibqa’ jattira aktar nies validi lejh u fl-aħħar mill-aħħar sabiex il-Partit Laburista jibqa’ ħaj u attiv fis-snin illi ġejjin.   

Kif se tkun aktar attraenti għall-votanti “tan-nofs”?  

Sa minn mindu bdejt ninvolvi ruħi fil-politika dejjem ippruvajt inħaddan politika onesta. Dak illi nemmen fih dejjem għedtu b’mod pubbliku u mingħajr kanutunieri. Qatt ma lgħabt il-politika tal-gallarija billi nonqos milli nieħu pożizzjoni fuq kwistjonijiet diffiċli. Nemmen illi din hija t-tip ta’ politika li tapprezza l-faxxa tan-nofs f’pajjiżna. Ma naħsibx illi r-riżultat elettorali ta’ 64,000 vot illi ksibt fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew kien ġej biss mill-faxxa tal-votanti tradizzjonali tal-Partit Laburista.  

Ir-riċetta illi użajt fil-passat se nkompli nużaha wkoll bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista billi nitkellem fejn għandi nitkellem u nitlob azzjoni fejn għandha tittieħed azzjoni. Din hija t-tip ta’ politika illi nemmen illi tiġi apprezzata, mhux biss mill-faxxa tan-nofs, iżda mill-maġġoranza assoluta tal-elettorat Malti u Għawdxi.  

Il-Partit Laburista hu kkritikat kemm fuq l-ambjent u anke fuq nuqqas ta’ kontabiltà. Xi jrid isir? 

Il-Kwalità tal-ħajja llum saret l-akbar prijorità għall-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi u din hija sfida ewlenija tal-Gvern Laburista. Irridu għaldaqstant inkunu aktar voċiferi bħala Partit fuq proġetti illi nemmnu illi ma jkunux sostenibbli għall-komunitajiet tagħna. Irridu naraw wkoll illi l-futur ekonomiku ta’ pajjiżna ma nibqgħux niddiskutuh biss mal-kuntratturi, l-iżviluppaturi u ma’ min għandu interessi kummerċjali iżda naraw illi l-ewwel diskussjonijiet isiru mal-komunitajiet tagħna, b’mod prinċipali mal-Kunsilli Lokali tagħna illi bl-aktar mod ċar qed iħossuhom esklużi u bla saħħa quddiem ċerti deċiżjonijiet illi qed jittieħdu.  

Fejn tidħol il-kontabilità nemmen illi bħala Gvern daħħalna riformi kbar u saħħaħna l-istituzzjonijiet tagħna b’riżorsi mingħajr preċedent. Kieku m’għamilniex dan l-iskrutinju qawwi u kontinwu illi qed isir fuq il-Gvern żgur illi ma kienx ikun jista’ jsir. Però rridu nkomplu nagħmlu aktar sabiex fl-aħħar mill-aħħar inkomplu nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies illi l-affarijiet isiru b’kontabilità u trasparenza. 

More in Intervisti