200 persuna għadhom nieqsa mill-2004
Kważi 4,000 rapport ta' persuni nieqsa f'10 snin
More in Kronaka
Kważi 4,000 rapport ta' persuni nieqsa f'10 snin
Il-Pulizija għandha mitejn persuna ddikjarati nieqsa fl-aħħar għaxar snin. Dawn għadhom ma nstabux, b’nofshom ikunu rrappurtati nieqsa s-sena l-oħra.
Minn informazzjoni li kisbet din il-gazzetta jirriżulta li matul l-2013 kien hemm 547 persuna rrappurtati nieqsa, b’għaxra minnhom jinstabu mejta. Fl-aħħar għaxar snin, it-total ta’ rapporti kien kważi jlaħħaq l-4,000.
“Il-maġġoranza ta’ dawk li jkunu ddikjarati nieqsa lill-Pulizija jkunu ġa ħarbu minn pajjiżna b’xi passaport mingħajr mal-awtoritajiet ikollhom traċċa ta’ dan,” qal Eddie Attard, eks-uffiċjal tal-Pulizija u awtur ta’ bosta kotba marbuta mal-qasam tal-kriminalità.
“Imbagħad għandek numru sostanzjali li jkunu nieqsa għal ftit żmien qabel jirritornaw minn jeddhom. Iżda għandek ukoll numru ta’ persuni li ma jirritornawx għax ikunu maqtula,” qal Attard.
Jirriżulta li fl-aħħar għaxar snin kien hemm 43 każ li l-ewwel kienu rrappurtati nieqsa mbagħad instab il-katavru tagħhom.
Iżda hija possibbiltà li minn dawk il-mitejn li għadhom nieqsa hemm numru li nqatlu u qatt ma nstabu?
“Ma naħsibx, almenu mhux dawk ta’ nazzjonalità Maltija. Delitti lokali huma każijiet rari meta kkumparati ma’ barra,” spjega Attard.
Dan mhuwiex xi fenomenu ġdid, kif jixhdu direttivi tal-Pulizija li saħansitra jmorru lura 40 u 50 sena.
Passat jew preżent, l-aktar raġunijiet komuni jibqgħu l-istess bil-maġġoranza jkunu frott ta’ kwistjonijiet familjari. Attard jgħid kif dan jikkonferma għalfejn il-parti l-kbira tal-każijiet ikunu jikkonċernaw żgħażagħ.
“Fost l-ewwel każijiet insibu kif tfajliet Maltin kienu jaħarbu minn Malta bl-għajnuna tal-baħrin Ingliżi,” ssokta jgħid Eddie Attard.
Statistika provduta mill-Pulizija turi wkoll li n-numru ta’ barranin irrappurtati nieqsa żdiedu b’mod sostanzjali. Infatti fl-2003 n-numru ta’ rapporti kienu jammontaw biss għal tmintax, iżda fl-2013 ir-rapporti ta’ barranin iddikjarati nieqsa lil Pulizija kienu qabżu t-300.
Dan wassal biex għall-ewwel darba fl-aħħar għaxar snin, il-maġġoranza ta’ dawk irrappurtati nieqsa s-sena l-oħra kienu barranin.
Wieħed mir-rapporti l-aktar interessanti kien ta’ Nenu Pace, anzjan ta’ 63 sena li kien irrappurtat nieqes f’Awwissu 2013.
Fil-jiem li għamel nieqes, Pace kien qal li ma kienx mistoħbi anzi kien jimxi u jgħaddi minn bosta lokalitajiet.
Meta tkellmu ma’ din il-gazzetta, il-familjari kienu qalu wkoll li Nenu kemm-il darba kien tkellem ma’ uffiċjali tal-pulizija u saħansitra kien preżenti għall-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara.
Minkejja dan, hu nstab biss ftit jiem wara.
Sena | Rapporti | Għadhom Nieqsa | Misjuba Mejta | Misjuba | Maltin | Barranin |
2003 | 216 | 0 | 215 | 1 | 198 | 18 |
2004 | 258 | 1 | 254 | 3 | 206 | 52 |
2005 | 261 | 3 | 253 | 5 | 246 | 15 |
2006 | 316 | 1 | 134 | 1 | 100 | 36 |
2007 | 360 | 2 | 356 | 2 | 241 | 119 |
2008 | 474 | 3 | 466 | 5 | 263 | 211 |
2009 | 391 | 18 | 371 | 2 | 263 | 128 |
2010 | 431 | 28 | 401 | 2 | 286 | 145 |
2011 | 461 | 15 | 440 | 6 | 267 | 94 |
2012 | 409 | 26 | 376 | 6 | 284 | 125 |
2013 | 547 | 104 | 433 | 10 | 231 | 316 |