Ir-Residenti taż-Żurrieq, flimkien ma’ seba’ għaqdiet oħra u l-Kollettiv, ikkundannaw il-pożizzjoni li ħa l-Gvern fuq il-kwistjoni f’Tal-Bebbux, fejn l-art pubblika li għadha tinħadem sal-lum mill-bdiewa qed tintuża bħala aċċessorju għall-interessi ta’ żvilupp privat.
Fl-istqarrija tagħhom, il-gruppi rreferew għall-Ministru tal-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi, Membru Parlamentari elett mill-ħames distrett, li huwa l-aktar distrett milqut mill-pjanijiet lokali u ż-żoni ta’ razzjonalizzazzjoni maħruġa fl-2006.
“Is-sena l-oħra Zrinzo Azzopardi ‘rtira’ applikazzjoni għal żvilupp mill-privat fuq din l-art pubblika, ġurnata biss qabel konferenza stampa organizzata minna, ġimgħa biss qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,” qal Jan Camilleri f’isem ir-Residenti taż-Żurrieq. “Ma nafux x’ġara 'l bogħod minn għajnejn il-pubbliku tul din is-sena, iżda erġajna eżattament fl-istess sitwazzjoni ta’ Ġunju li għadda. Il-bdiewa u r-residenti għandhom mitt elf raġun iħossuhom ittraduti minn dawk li eleġġew”.
Il-grupp ikkritika l-kliem ta’ Zrinzo meta qal li “idejh huma marbutin” mill-Pjan Lokali tal-2006. “Il-Ministru għall-Artijiet jaf sew li l-Pjan Lokali tal-2006 kemm-il darba nbidel biex jiġu akkomodati l-interessi tal-iżvilupp privat. Mhuwiex minnu li l-Pjan Lokali ma jistax jinbidel, u dan jikkonfermawh kemm il-Prim Ministru u anki l-Kap tal-Oppożizzjoni meta qalu li għandu jinbidel il-Pjan Lokali tan-North Harbour għal Paceville.”
“Iż-Żurrieq, l-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Safi huma wħud mill-aktar irħula li batew mill-kostruzzjoni fl-aħħar snin. Dan għax il-Pjan Lokali sar tali mod li l-konfini bejn l-irħula jitneħħew, u dawn se jispiċċaw parti minn massa waħda ta’ bini. Meta l-Ministru jgħid li ma jista’ jagħmel xejn għaż-Żurrieq, filwaqt li l-Awtorità li taqa’ taħtu qegħda saħansitra tkeċċi lill-bdiewa mill-għelieqi tagħhom, huwa għax idejh huma marbutin minn interessi privati”.
Il-grupp qal li se jappoġġjaw lill-bdiewa b’kull mezz possibbli, u fl-istess ħin appella lir-residenti taż-Żurrieq u l-madwar biex ma jaqtgħux qalbhom u jappoġġaw dil-kawża.
Is-Segretarju ta’ l-Kollettiv, Wayne Flask, saħaq li għandha tiskatta riforma tal-ippjanar li tpoġġi lir-residenti fiċ-ċentru tagħha. F’Lulju tal-2024 tlettax-il għaqda ta’ residenti pproponew numru ta’ proposti għal riforma wiesgħa tal-ippjanar.
“Ir-residenti u l-bdiewa saru l-vittmi eterni tal-industrija tal-kostruzzjoni, u l-Gvern konxjament qed jaġixxi ta’ kompliċi. L-għajta tagħna hi biex jieqaf l-iżvilupp propost fiz-zoni ta’ razzjonalizzazzjoni, sabiex meded enormi ta’ art bħal dik f’Tal-Bebbux u tan-Nigret fiż-Żurrieq, u tal-Amparell f’Ħal Safi, ikunu ppreżervati.
Zrinzo Azzopardi qiegħed jissottovaluta serjament is-sentiment tal-pubbliku fil-kostitwenzi tiegħu, u jekk il-prijorità tiegħu hija li jaqdi l-interessi ta’ żvilupp privat, għandu jfittex xogħol lil hinn mis-servizz pubbliku”, temm jgħid Flask.