2013: kwart tal-immigranti kienu tfal u żgħażagħ
Il-maġġoranza kellhom bejn sittax u tmintax-il sena u l-biċċa l-kbira ma kinux akkumpanjati minn ġenituri jew familjari oħra.
More in Kronaka
Il-maġġoranza kellhom bejn sittax u tmintax-il sena u l-biċċa l-kbira ma kinux akkumpanjati minn ġenituri jew familjari oħra.
Fl-2013 f’Malta waslu ftit aktar minn elfejn immigrant irregolari, żieda ta’ 118 il-persuna fuq is-sena preċedenti.
ILLUM hi infurmata li kwart tal-immigranti irregolari li waslu Malta s-sena li għaddiet kienu tfal u żgħażagħ. Il-maġġoranza kellhom bejn sittax u tmintax-il sena u l-biċċa l-kbira ma kinux akkumpanjati minn ġenituri jew familjari oħra.
Dawn jammontaw għal 500 żagħżugħ li minnhom kien hemm biss 73 tas-sess femminil. Barra dawn, kien hemm ukoll erbat itfal żgħar.
Mal-wasla tagħhom f’Malta, dawk li ma jkunux akkumpanjati jingħatalhom gwardjan legali taħt ordni ta’ ħarsien mill-Ministeru għall-Familja, wara li tkun aċċertata l-età tagħhom.
Skont l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) jirriżulta li l-immigranti waslu Malta permezz ta’ 24 dgħajsa li ġew interċettati mill-Forzi Armati ta’ Malta. Kull dgħajsa li waslet fi xtutna telqet mil-Libja.
“Matul l-2013 id-dgħajjes li waslu Malta kienu ġejjin biss minn dan il-pajjiż, ma kienx hemm dgħajjes li telqu minn rotot oħra,” qal kelliem għall-uffiċċju tal-UNHCR f’Malta.
Infatti l-wasliet ta’ immigranti kompla jikber b’mod partikolari matul it-taqlib politiku fil-Libja u wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Gaddafi. It-total ta’ immigranti għall-2013 kienu t-tieni l-akbar fl-aħħar tnax-il sena, u t-tielet żieda konsekuttiva fl-aħħar tliet snin.
Iżda hu żbaljat li wieħed jassoċja l-immigrazzjoni irregolari mal-wasliet bil-baħar biss. L-uffiċju tal-UNHCR f’Malta hu infurmat li matul l-2013 saru madwar 350 applikazzjoni għall-ażil minn individwi li ma waslux Malta permezz tad-dgħajjes.
Bħas-snin preċedenti, il-maġġoranza assoluta tal-immigranti jkunu ġejjin mis-Somalja, mill-Eritrea u mis-Sirja. L-istatistiċi għall-2013 jikkonfermaw dan, fejn wieħed minn kull żewġ immigranti kienu Somali (50%) waqt li wieħed minn kull erbgħa kien ġej mill-Eritrea (23%). Isegwu refuġjati ta’ nazzjonalità Sirjana (8%) Niġerjani (4%) u dawk Palestinjani (3%).
Il-gwerra ċivili fis-Sirja bejn ir-reġim ta’ Bashar al-Assad u r-ribelli kienet il-kaġun ewlieni għaż-żieda ta’ refuġjati Sirjani fl-aħħar snin. Matul l-2013, refuġjati Sirjani ammontaw għal kwart ta’ dawk li ngħataw protezzjoni mill-awtoritajiet Maltin.
Interessanti l-fatt li minkejja l-prinċipju ta’ solidarjetà li jgħaqqad l-iStati Membri tal-Unjoni Ewropea, kienet l-Istati Uniti li għenet l-aktar biex immigranti bi status ta’ refuġjat jibdew ħajja ġdida f’pajjiż ieħor.
Kelliem għall-UNHCR f’Malta qal kif minn 412-il persuna li ġew rilokati f’pajjiż ieħor, l-Istati Uniti ħadet xejn inqas minn 390. L-oħrajn ittieħdu mill-Irlanda, mill-Polonja u l-Kanada. Seba’ refuġjati oħra telqu lejn l-Awstralja taħt programm separat.
Mill-2005 s’issa, 2,240 refuġjat ġew rilokati f’pajjiż ieħor minn Malta.