Pedofelija vvintata?
“Wasalna fi stat li nibżgħu nagħtu tgħanniqa ġenwina” – Jason Azzopardi
minn John Busuttil
“Jien magħruf li każi ta’ pedofelija ma niddefendix ħlief meta nkun ċert li l-klijent hu innoċenti tal-akkuża. Konvint li Callus qed jgħid is-sewwa u għax jien ċert qed ninvolvi ruħi b’qalbi kollha favur l-akkużat.” Dan qalu Arthur Azzopardi li hu l-avukat ta’ Anthony Callus f’kumment esklussiv ma’ din il-gazzetta.
Azzopardi qal li s-sistema f’Malta trid tinbidel, “għandna sitwazzjoni li aħna l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn spettur tal-Pulizija jagħżel li jressaq persuna waħdu. Id-deċiżjoni hi tal-ispettur biss. U dan iġibu fi stat li jekk jiddeċiedi li ma jressaqx il-qorti rapport li jkollu, jiġi investigat hu. Għalhekk is-sistema hi żbaljata. Fil-kumplament tal-Ewropa hemm direttur tal-prosekuzzjoni li wara li jinvestiga l-każ jgħaddih lill-Avukat Ġenerali u hu dan li jara jekk hemmx każ jew le. Is-sistema li għandna trid tinbidel.”
Żied jgħid li f’kull każ irid jirrenja anke s-sens komun sabiex ma nħammġux nies innoċenti fil-qorti jew saħansitra nitfgħuhom il-ħabs.
Azzopardi, li hu wkoll uffiċjal tal-iscouts, qal li issa kulħadd qed jibża’ jieħu ħsieb it-tfal u ħadd ma jrid jissogra li jiġu akkużati b’xi tip ta’ pedofelija meta fil-fatt ikunu innoċenti. “Diġà kien hemm xi riżenji fil-qasam tal-volontarjat u ħafna ċempluli jgħiduli li ma jridux jieħdu iżjed tfal il-baħar. Tajjeb li nipproteġu lil minuri iżda rridu nissalvagwardjaw lill-għaqdiet volontarji għax fl-aħħar mill-aħħar it-tfal stess se jibagħtu.”
Dwar Callus, l-Avukat Azzopardi qal li dan tkisser mill-aspett psikoloġiku speċjalment meta ismu deher fil-ġurnali u fuq is-siti elettroniċi. “Dan ir-raġel anke finanzjarjament se jbati. Għax hu ssospenda lilu nnifsu mis-soċjetà fejn jgħallem u jaqla’ x’jiekol fl-iskola tal-istess soċjetà tal-MUSEUM. “Dan għamlu u jien qbilt miegħu ħalli isem is-soċjetà ma jitħammiġx sa ma jinqata’ l-każ. Il-problema hi li ma nafux kemm iddum sejra din il-kawża u ħajjet dan l-imsejken inqalbet ta’ taħt fuq. Is-sistema mhix tajba għax li kieku l-każ ġie investigat minn prosekutur, u mhux id-deciżjoni ttieħdet biss tal-ispettur, kieku Callus mhux qiegħed il-ħabs” temm jgħid Dr Arthur Azzopardi.
“Malta l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn spettur jagħżel waħdu jekk iressaqx persuna”
L-allegat każ ta’ abbuż fuq tifel t’10 snin . . .
Din il-ġimgħa qamet kontroversja u diskussjoni sħiħa dwar il-pedofelija wara li superjur tas-soċjetà tal-MUSEUM, ġie akkużat li refa’ tfajjel ta’ 10 snin fil-baħar u l-parti privata tat-tifel messet mal-adult. Skont l-ispettur li ressaq il-każ, it-tfajjel ħaseb li qed jiġi abbużat minħabba li ntefa’ l-baħar u reġa’ ntrefa’.
Anthony Callus, li hu għalliem fl-iskola St Michaels, li hi l-iskola tas-soċjetà, ma ngħatax pleġġ u ntbagħat il-ħabs sa ma t-tfajjel jixhed għada t-Tnejn fis-seduta li jmiss.
“Mhux l-ewwel darba żgur, u lanqas l-aħħar darba sfortunatament, li saru rapporti fażulli frott fantasiji ta’ tfal jew pressjoni fuq it-tfal minn terzi” jgħid id-deputat Jason Azzopardi, li hu avukat u l-kelliem għall-intern tal-Partit Nazzjonalista. “Ħa nkun ċar: dawn l-akkużi huma fost l-iktar sensittivi u diffiċli biex ikunu deċiżi minn qorti għax kważi dejjem jippernjaw fuq kredibbiltà tal-akkużat kontra tal-allegat vittma jew vittmi, u fejn ikun hemm trapass ta’ żmien ikunu iktar diffiċli biex tiddeċiedi” kompla jgħid Azzopardi.
Żied li “Ġejna fi stat fejn l-NGOs li jieħdu ħsieb it-tfal jistgħu jonqsu għax ħadd ma jissogra tgħanniqa ġenwina. Ma nistgħux immeru s-sewwa magħruf. Ħa nkun ċar: allaħares qatt ngħixu f’soċjetà fejn vittma ta’ tali reati jibża’ jirrapporta u hu tajjeb li l-awtoritajiet dejjem jinċentivaw biex ħadd ma jibża’ jirrapporta. Però dan ma jfissirx li ninjoraw realtà li qed tixxettel bil-mod il-mod: frott ukoll ta’ ċertu sensazzjonaliżmu li wassal għal preġudizzji u għal kundanna qabel il-waqt, żgur li hawn ħafna li se joqogħdu lura issa milli jesprimu l-affezzjoni b’mod innoċenti mat-tfal.”
Dan il-ġurnal tkellem ukoll ma’ Deborah Schembri. “Il-pulizijia trid tinvestiga l-każijiet li jiġu rrappurtati lilha b’reqqa u ma jridx ikollha preġudizzji. Investigazzjoni ma tinkludix biss xhieda tal-allegat vittma jew tal-allegat molestatur. Jekk ikun hemm provi biżżejjed jittieħdu proċeduri legali imma anke f’dan l-istadju m’għandhiex tittieħed ben fatt li l-akkużat hu ħati.” Dan qalitu d-Deputata Laburista Deborah Schembri.
Schembri, li hi wkoll avukat, qalet li l-proċess ġudizzjarju qiegħed hemm biex issir ġustizzja u għaldaqstant id-deċiżjoni tittieħed mill-ġudikant jew mill-ġurati wara li jinstemgħu kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll lid-difiża.
Mistoqsija jekk hemmx tfal li joħolqu storja mill-fantasiji tagħhom, Schembri wieġbet li jista’ jkun. “Każi fejn l-ulied b’malizja jakkużaw lil ġenituri b’abbuż kien hawn u każi fejn ġenitur jakkuża lill-ġenitur l-ieħor b’abbuż b’kompliċità mal-ulied kien hawn, speċjalment meta l-ġenituri jkunu mifrudin. Però ma rridux niġru bl-idea li għax tfal allura qegħdin jiffantasizzaw. Hawn abbuż rampanti ta’ tfal, mhux f’pajjiżna biss u l-abbuż hu magħruf li jsir l-aktar bejn familjari jew nies li jkunu ħbieb tal-familja jew nies li t-tfal ikunu jafdawhom”.
Schembri emfasizzat li hu tajjeb li llum il-ġurnata t-tfal għandhom aktar kuraġġ li jitkellmu meta jkun hemm xi abbuż. “Ma nistgħux inneħħu s-salvagwardji għall-innoċenti sempliċiment għax ikun hemm min jabbuża mis-sistema daqskemm ma narmux is-skieken għaliex xi ħadd jista’ joqtol bihom.”
“Meta l-innoċenza tat-tfal titteħdilhom, ħadd u xejn ma jġibha lura u m’għandu jkollna xejn aktar għażiż minn uliedna” insistiet Schembri. Kompliet tgħid li tgħanniqa jew bewsa mhix abbuż u t-tfal tagħna fl-iskejjel jitgħallmu fejn hu leċitu li xi ħadd imisshom u fejn mhux, x’inhu permissibbli u x’mhux.
Temmet tgħid “Naħseb li mhux ġust li ngħidu li ġejna fi stat fejn in-nannu ma jistax jgħannaq jew ibus lill-uliedu jew neputijiet għax jiġi akkużat b’abbuż. Allarmiżmu żejjed ma jagħmilx ġid. Jien nemmen li jekk il-persuna tkun detenuta u m’hemmx biża’ li jista’ jseħħ reat ieħor l-ismijiet m’għandhomx jixxandru sakemm il-persuna tinstab ħatja.”