Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ser ikun qiegħed jagħti l-assistenza tiegħu lill-poplu Libjan fil-muniċipalità ta’ Al-Asabaa, hekk kif għexieren ta’ djar inħakmu min-nirien li s-sors tagħhom għadu mhux stabbilit. Għalhekk, Malta, permezz ta’ erba’ uffiċjali ser tkun qiegħda taqsam l-għarfien tagħha bil-għan li jiġi stabbilit x’qiegħed jikkawża dawn in-nirien biex tiġi salvagwardjata l-ħajja tal-familji. Dan permezz tal-mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu pajjiżna qed joffri għal darb’oħra għajnuna umanitarja, kif għamel diġà fil-Libja stess, fil-Greċja u t-Turkija fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li b’din l-għajnuna d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jikkonferma l-irwol importanti tiegħu, li mhux biss jassisti u jsalva persuni f’Malta, iżda wkoll jagħti għajnuna anke bl-għarfien li llum għandu, f’isem il-Gvern Malti, lil poplu ieħor fi bżonn l-assistenza.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro qal li l-għan tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa li jassisti lil persuni fi bżonn u li llum id-Dipartiment għandu l-kapaċità u l-għarfien, mhux biss permezz tat-taħriġ kontinwu li jingħata iżda anke bl-investiment li qed isir, biex jagħti din it-tip ta’ assistenza. Dan filwaqt li awgura li din il-ħidma mill-uffiċjali Maltin tissarraf biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-familji milquta.