L-akkuża li l-GUG hu immanipulat tiġi miċħuda
Il-GUG immanipulat mill-President?
More in Kronaka
Il-GUG immanipulat mill-President?
Nhar il-Ħadd li għadda fil-kampus tal-Università Għawdxija kien hemm il-laqgħa ġenerali annwali tal-Għaqda Universitarja Għawdxija (GUG) li fiha tiġbor l-istudenti kollha Għawdxin. Dawk Universitarji, tal-MCAST, tal-ITS u tas-Sixth Form. L-attendenza kienet waħda tajba ħafna fejn attendew madwar 90 student u studenta. Li hu stmat li huma 12% tal-istudenti Għawdxin li jammontaw għal madwar 1,500 student.
F’dan l-eżekuttiv il-ġdid daħlu disa’ membri ġodda u erba’ oħra li baqgħu minn ta’ qabel, fosthom il-president, Ryan Mercieca. Għal dawn l-aħħar erba’ snin il-GUG kienet immexxija mill-istess president, Ryan Mercieca u kien qed jiġi allegat li din l-għaqda saret waħda manipulata minnu. Diversi studenti lmentaw li ma tħallewx jivvutaw fil-laqgħa ġenerali għax skont regoli magħmula mill-president attwali biex tkun tista’ tivvota trid tirreġistra sa ħamest ijiem qabel. U din ir-regola ma teżistix fl-istatut tal-GUG.
Sadattant l-uniku pożizzjoni li kienet ikkontestata f’dan l-AĠM kienet dik ta’ uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi b’Denis Muscat jirbaħ din l-elezzjoni b’distakk ta’ madwar 60 vot. Il-kandidat żagħżugħ l-ieħor iġib madwar 23 vot. Sorsi ta’ min jorbot fuqhom tkellmu magħna u qalulna li dan ġara minħabba manipulazzjoni sħiħa mill-president u l-grupp tiegħu.
Għalhekk l-ILLUM iddeċieda li jitkellem mal-President Ryan Mercieca dwar dawn l-akkużi li kienu qed ikunu fuq fomm xi studenti Għawdxin. Ryan fil-fatt innega għal kollox li hu jew il-kumitat tiegħu qatt immanipula din l-assoċjazzjoni. “Din hi proċedura li ilha erba’ snin u suppost kulħadd jaf biha. Jiġifieri li min irid jattendi u jivvota l-AĠM irid jirreġistra sa ħamest ijiem qabel biex b’hekk aħna nkunu nistgħu niskrutinaw li dawk vera li qed jattendu l-università jew xi kulleġġ jieħdu sehem fl-għaqda tagħna.
“Vera li kien hemm grupp li ma qabilx ma’ din il-proċedura iżda nħoss li suppost kienu jafu bil-proċedura. Din hi standing order u aħna mexxejna bħas-snin ta’ qabel. Li nista’ ngħid hu li mis-sena li ġejja biex żgur ma jkunx hemm iżjed paroli fuqha se tidħol fl-istatut.”
Mistoqsi jekk hux vera li jimmanipula l-elezzjonijiet favur il-grupp tiegħu, Ryan qal, “Mhux talli mhux hekk, anzi aħna għandna regola li min hu affiljat ma’ xi partit politiku ma jistax jikkontesta elezzjonijiet u did-darba ħallejna persuna tikkontesta li hi affiljata ma’ partit politiku. U biex inkompli nissustanza dan li qed ngħid, il-persuna li kkontesta u tilef l-elezzjoni ħtarnieh f’sottokumitat għal proposti għal gvern għal baġit li ġej. U dan juri kemm aħna inklussivi u rridu biss l-ġid taż-żgħażagħ Għawdxin biex inwasslu leħinna mingħajr ma nintrabtu ma’ xi karru politiku. Irridu li ż-żagħżugħ Għawdxi jwassal għal futur tiegħu u mhux iħalli l-futur jaqbżu u jispiċċa parti mill-passat.”
Il-president żagħżugħ li bħalissa qed jistudja għal PHD qalilna li l-GUG ilha 30 sena, “U mhix verità li jien dittatur, tant hu hekk li f’din il-laqgħa ġenerali ressaqt emendi li m’għaddewx. L-opinjoni tal-GUG ma jkunux dejjem l-opinjoni personali tiegħi. Għax il-GUG hi l-unika għaqda li għandha leġittimità li meta titkellem tirrappreżenta lill-istudenti Għawdxin kollha. U l-proposti tagħna huma magħmulin fuq sondaġġi li jsiru online fost l-istudenti kollha. Mhux bħal xi għaqdiet oħra li jużaw l-istudenti biex jagħtu spinta lil xi partit politiku.