Esportazzjoni illegali ta’ flus minn Katanja għal Malta

Passiġġieri mwaqqfa fl-ajruport ta’ Katanja

Madwar miljun u nofs ewro fi flus kontanti nqabdu fl-ajruport ta’ Fontanarossa ta’ Katanja waqt li kienu se jinġiebu Malta illegalment. €800,000 biss ġew maqbuda fl-aħħar tliet xhur, Ġunju, Lulju u Awwissu. Il-flus kontanti nqabdu meta ’l fuq minn 200 persuna ġew imwaqqfa fl-ajruport bid-destinazzjoni tagħhom tkun Malta u anke Beijing. Dawn it-talin ippruvaw joħorġu dawn il-flus li ma kinux iddikjarati għal fini fiskali fl-Italja biex jiġu investiti Malta li skont il-ġurnal Taljan Nuovo Sud jgħid li hu fatt magħruf li f’Malta hu faċli li tinvesti flus għax fiskalment huma laxki. 

Dawn il-flus kontanti kienu mpoġġija bejn il-paġni tal-kotba tal-ħrejjef tat-tfal iż-żgħar, oħrajn fil-kfief tal-basktijiet li jġorru wara daharhom it-tfal, karti tal-ewro mqassmin bejn il-paġni ta’ ġurnali mremblin u anke meħjuta mal-ħwejjeġ li kienu lebsin dawk li nqabdu.

Il-ġurnal Nuovo Sud qal li bħalissa fi Sqallija għaddejja lotta sħiħa kontra l-esportazzjoni illegali ta’ flus kontanti li joħorġu barra l-Italja. Fil-fatt l-Italja għandhom liġi li jekk toħroġ ’il fuq minn €10,000 fi flus kontanti trid tiddikjarahom iżda dawn li nqabdu kellhom somom li jaqbżu sew dawn l-ammonti. Kien hemm fosthom li ammettew u għażlu li jħallsu multa ta’ €30,000 u komplew bil-vjaġġ tagħhom. Filwaqt li l-multa għal dawk reċedivi kienet ħafna aktar tant li fosthom kien hemm min ħalla l-flus li nqabdulu fid-dwana u tela’ fuq l-ajruplan ikompli l-vjaġġ tiegħu lejn gżiritna.

More in Kronaka