Il-Kaptan Korean weħel 36 sena ħabs

L-inġinier weħel 30 sena ħabs u 13-il membru tal-ekwipaġġ weħlu sa 20 sena ħabs

Il-kaptan tal-vapur li għereq aktar kmieni dis-sena fil-Korea t'Isfel u li miegħu tilfu ħajjithom 300 persuna kien ikkundannat 36 sena ħabs.

Il-qorti Koreana qalet li l-Kaptan Lee Joon-Seck kien professjonalment negliġenti u abbanduna lil passiġġieri waqt id-diżastru ta' April u ssentenzjatu fuq omiċidju.

Iċ-Chief Inġinier weħel 30 sena ħabs u 13-il membru tal-ekwipaġġ tal-MV Sewol ġew ikkundannati 20 sena ħabs kull wieħed.

Lee għamel apoloġija talli abbanduna lil passiġġieri iżda qal li qatt ma basar li l-azzjoni tiegħu se tikkawża daqshekk imwiet. Lee ħelisha mill-piena tal-mewt li teżisti fil-Korea t'Isfel, iżda l-Korea ilha ma tagħti din is-sentenza mill-1997. Issa għandu ġimgħa biex jappella. Kien hemm rabja mill-poplu għal dawk il-15 l-ikundannat għax ħarbu mill-vapur li kien qed jegħreq filwaqt li ħafna mill-passiġġieri kienu għadhom maqbuda ġewwa l-vapur. Kien hemm 476 passiġġier fuq il-vapur u 172 biss ġew salvati. L-aktar li tilfu ħajjithom kienu studenti adeloxxenti li kienu sejrin vaganza ma' tal-iskola.

Għaddew seba' xhur mill-għarqa u 295 katavru nstabu iżda għad baqa' disgħa li ma nstabux. Barra hekk żewġ għaddasa ċivili mietu waqt li kienu qed jippruvaw isalvaw lin-nies.

Ħafna mill-istudenti li salvaw qalu li kontinwament kienu qed jiġu ordnati fuq il-loudspeaker biex jibqgħu fuq il-vapur u fl-ebda ħin ma kien hemm ordni għall-evakwazzjoni. Lee qal li hu kien taha din l-ordni iżda żammha milli tingħata għax kien qed jistenna lil dawk li setgħu jsalvaw lin-nies mill-ilma u ma riedx li l-passiġġieri jaqbżu l-baħar kiesaħ u ma jsibu lil ħadd min isalvahom.

More in Kronaka