Minkejja li kien nar żgħir f’kamra li fiha jinżamm skart u li ġie kkontrollat fi ftit minuti, it-tmexxija taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana ħadu l-prekawzjonijiet kollha u evakwaw lil kulħadd.
In-nirien bdew għall-ħabta tad-9.30 a.m. meta xi ħadd innota duħħan ħiereġ minn kamra li tinsab fdid-daħla taċ-Ċentru tas-Saħħa fuq in-naħa tal-lemin. Kif ingħata l-alarma kulħadd intalab biex joħroġ barra. Fuq il-post marru l-Pulizja tal-RIU u l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn il-pumpiera Alex Scicluna u Timothy Willie kkontrollaw in-nirien li ħakmu boroż tal-iskart.
Peress li l-kamra hija aċċessibli għal kulħadd, mhux qed ikun eskluż li n-nirien setgħu bdew minn xi sigarett li xi ħadd tefa’ qabel daħal fiċ-Ċentru tas-Saħħa.
Is-Surġent Josann Borg Scerri flimkien mal-Kuntistabbli Damian McKay mill-Għassa tal-Pulizija tal-Belt ħejjew rapport tal-inċident. Fuq il-post kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv mid-Dipartiment tal-Kura Primarja Dr Renzo Degabriele.