(Aġġornat) Ħalliel seraq raġel, anzjana, bejjiegħ tal-ħaxix u falla f'serqa oħra
Il-kriminal jagħmel użu minn karozza bi pjanċa ta' karozza oħra li seraq mill-Ħamrun
More in Kronaka
Il-kriminal jagħmel użu minn karozza bi pjanċa ta' karozza oħra li seraq mill-Ħamrun
Aġġornament
Minn aktar stħarriġ dwar il-mewġa ta’ serq mill-istess ħalliel, irriżulta li tard it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tad-9.15 p.m. il-kriminal kien fi Triq is-Sur, l-Isla meta għadda minn ħdejn karozza u minn ġo fiha seraq bottijiet tal-luminata. Minkejja li kien hemm min ipprova jwaqqfu, huwa ħarab minn fuq il-post.
Din is-serqa qegħda tiġi nvestigata mill-Ispettur Josric Mifsud flimkien mas-Surġent Arthur Rizzo tad-Distrett.
Kmieni dalgħodu dan il-ħalliel deher għaddej bil-karozza fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Fil-fatt għall-ħabta tas-6.10 a.m. huwa kien fi Triq l-Iskola f’Ħal Tarxien meta avviċina anzjana ta’ 78 sena li dak il-ħin kienet sejra tisma’ quddiesa u mingħajr ma ħareġ mill-karozza, ġibdilha l-basket. L-anzjan ppruvat tirreżisti lill-ħalliel tant li anke sofriet ġrieħi ħfief u kellha bżonn l-għajnuna medika. Mhux magħruf jekk l-anzjana kellix flus fil-basket u jekk kellha x’inhu l-ammont.
iktar kmieni...
Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit jinsabu għaddejjin bi tfittxija għal ħalliel li fi spażju ta’ inqas minn 15-il minuta pprova jwettaq serqa f’Santa Luċija, imma rrnexxielu jwettaq serqa minn Ħal Luqa. Mhux eskluż li l-istess ħalliel seta’ wettaq xi serq ieħor fil-jiem li għaddew.
Il-ħalliel seraq pjanċa ta’ karozza Peugeot 106 x’aktarx mill-Ħamrun u waħħalhom fuq karozza wkoll tal-marka Peugeot ta’ kulur abjad.
L-ewwel attentat tiegħu illum kien fuq mara ta' 54 sena minn Santa Luċija meta din kienet mixja f’Santa Luċija stess imma sab għadma iebsa għax il-mara rreżżistiet lill-kriminal u kellu jitlaq minn fuq il-post idu f’idu.
Iżda dan il-ħalliel, għalkemm qata’ qalbu li jisraq lil din il-mara, baqa’ sejjer Ħal Luqa u kif għadda minn Trejqa Dun Ġulju Muscat waqaf ħdejn bejjiegħ tal-ħaxix, niżel mill-karozza u jidher li talab lill-bejjiegħ, raġel ta' 60 sena minn Ħaż-Żebbuġ, xi frott u ħaxix. Sakemm il-vittma mar biex iġiblu dak li ordna, il-ħalliel qabad il-kexxun li kellu bil-flus u ħarab minn fuq il-post. Jidher li l-bejjiegħ ipprova jżomm lill-ħalliel, iżda dan irnexxielu jiżgiċċa. Huwa mifhum li fil-kexxun kien hemm madwar €150.
Il-Pulizija tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur Hubert Cini flimkien mas-Surġent Raymond Ambrogio u l-Kuntistabbli Maverick Camilleri bdew tfittxija għall-ħalliel fid-Distrett tagħhom filwaqt li l-Pulizija tal-RIU firxu t-tfittxija f’diversi lokalitajiet oħrajn.