Konġestjoni wara inċident tat-traffiku fi Triq il-Kosta

Tfajla tkorri gravi f’ħabta head-on

Inċident tat-traffiku li seħħ kmieni dalgħodu fil-bidu ta’ Triq il-Kosta limiti tan-Naxxar, ħoloq konġestjoni ta’ traffiku fl-inħawi aktar mis-soltu minħabba l-proġett li għaddej bħalissa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.10 a.m. meta karozza Nissan misjuqa minn tfajla ta’ 25 sena minn Pembroke li kienet sejra fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar kienet involuta f’kollużżjoni ma’ karozza Hyundai misjuqa minn raġel ta’ 59 sena minn San Pawl il-Baħar li kien ġej mid-direzzjoni opposta.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ sewwieqa l-Isptar Mater Dei fejn it-tfajla ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, iżda mhix fil-periklu tal-mewt. Min-naħa l-oħra l-kundizzjoni tar-raġel għadha mhix magħrufa peress li għadu qiegħed ikun eżaminat mit-tobba.

Il-Pulizija tad-Distrett ħejjew rapport tal-inċident filwaqt li l-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku kienu mpenjati jgħaddu t-traffiku minn rotot oħrajn sakemm iż-żewġ karozzi tneħħew min-nofs u t-triq reġgħet infetħet għat-traffiku.

 

More in Kronaka