L-Iskwadra tal-Pulizija, immexxija mill-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, kompliet tikseb aktar suċċessi meta lbieraħ elevaw madwar 22 kilogramma ta’ raza tal-kannabis.
Wara ġimgħat ta’ stħarriġ u osservazzjoni l-Pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga flimkien mal-Pulizija tal-RIU arrestaw żewġt irġiel, it-tnejn ta’ 37 sena.
L-ewwel wieħed ġie arrestat meta kien ħiereġ mill-inħawi ta’ Dellimara, limiti ta’ Marsaxlokk, wara li kien osservat jiġbor xi ħaġa mix-xatt.
Fil-fatt, waqt tfittxija li saret fil-vettura tas-suspettat instabu żewġ pakketti mdaqqsa li kien fihom blokkok kannella.
Wara aktar stħarriġ, illum kien arrestat raġel ieħor ta' 31 sena b’konnessjoni mal-istess sejba.
Dawn iż-żewġt irġiel, wieħed minn Ħal Tarxien u l-ieħor mix-Xgħajra, mistennija jitressqu l-qorti f’xi ħin il-Ħadd.
Aktar stħarriġ, madankollu, għadu għaddej filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f'inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Francesco Depasquale.