Żgħażugħ bi ġrieħi ħfief wara 'hold up' fil-ħanut fejn jaħdem

Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-9:45 p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa ġewwa stabiliment tal-logħob fi Triq Dun Nerik Cordina Perez, il-Ħamrun. Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġ persuni mgħammda u lebsin hoodie kienu daħlu ġewwa l-istabiliment u wara li aggredew lill-impjegat talbuh sabiex itihom il-flus.

Jidher li ż-żewġ ħallelin kienu armati b’arma tan-nar u sikkina u rnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post b’ammont sostanzjali ta’ flus kontanti. Waqt li kienet qed isseħħ is-serqa fil-ħanut kien hemm ukoll xi klijenti li ħadd minnhom ma weġġa’ filwaqt li l-impjegat li għandu 19-il sena sofra ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr G Vella LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka