Is-sindku tal-Belt iridu ħdejn il-Parlament
36% jriduh quddiem il-Parlament...29% lura f’Pjazza San Ġorġ
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Monument tas-Sette Guigno tal-iskultur Malti Anton Agius se jitneħħa mill-ġnien Hastings, fejn tpoġġa wara li kienet irranġata l-pjazza ta’ quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru biex jitpoġġa f’post aktar prominenti u li jagħti lil dan il-monument li jfakkar l-avvenimenti ta’ Ġunju 1919 aktar ġieħ.
Wara kritika minn diversi bnadi għall-fatt li dan il-moument tressaq miċ-ċentru għall-periferija tal-belt kapitali, il-Gvern fetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni li matulu qed jistaqsi lill-pubbliku biex jagħti l-preferenza tiegħu dwar fejn jixtieq li jara l-istess monument. Is-sit illum.com.mt staqsa lill-qarrejja tiegħu biex jagħżlu minn ħames siti differenti fil-Belt Valletta, fejn jixtiequ li jaraw dan il-monument.
Ftit iktar minn 36% tal-qarrejja tagħna huma tal-fehma li dan il-monument għandu jitpoġġa fid-daħla tal-Belt quddiem il-Parlament. Fost dawk li ħallew kummenti u qalu li jippreferu li dan il-monument ikun rilokat hawnhekk, kien hemm Josephine Attard illi sostniet li l-pjazza ta’ quddiem il-Parlament huwa l-iktar post prominenti fil-Belt Valletta.
Min-naħa l-oħra iżda 28.8% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ tas-sit tagħna huma tal-fehma li l-monument għandu jerġa’ jitpoġġa fi Pjazza San Ġorġ, fejn kien qabel tneħħa u fejn seħħet il-ġrajja storika, illum rappreżentata permezz ta’ Festa Nazzjonali. Bosta qarrejja li jixtiequ jaraw xogħol Agius lura fi Pjazza San Ġorġ ħallew kummenti u sostnew illi dan għandu jitpoġġa fejn seħħet il-ġrajja.
John. M. Cassar qal illi l-monument għandu jmur fi Pjazza San Ġorġ “fejn seħħew il-ġrajjiet, li bis-saħħa tagħhom il-poplu ngħata d-dritt li jkollu l-kostituzzjoni tiegħu.” Cassar sostna li min prova “jaħbi” l-monument ma kellux lill-ħaddiema u lill-poplu fl-interess tiegħu.” Rose Cassar Casingena hija tal-istess fehma u fil-kummenti li ħalliet fuq is-sit sostniet li huwa “ta’ għajb għal min warrab dan il-monument f’Hastings.”
Post inqas popolari, għalkemm xorta l-preferut ta’ 15% tal-qarrejja tagħna, huwa fil-pjazza ta’ quddiem il-Bibjoteka, minflok il-Monument tar-Reġina Victoria. Huma bosta li jħossu illi l-monument tal-monarka għandu jitneħħa u titpoġġa xi ħaġa li tissimbolizza aktar lil pajjiżna, anke jekk fil-fatt il-monarka tissimbolizza l-perjodu twil li pajjiżna għamel kolonja tal-Gran Brittanja. L-inqas post popolari fost il-qarrejja tagħna hija Pjazza Kastilja, fil-fatt kienu biss 7.8% tal-qarrejja tagħna li jħossu li l-monument tas-Sette Guigno għandu jitpoġġa hawnhekk. Ftit iktar minn 12% tal-qarrejja tagħna jħossu li l-monument għandu jibqa’ fi Ġnien Hastings.
Is-Sindku tal-Belt iridu ħdejn il-Parlament
“L-aktar post xieraq fejn għandu jiġi rilokat il-monument tas-Sette Giugno huwa, bla dubju, viċin tal-Parlament”, tenna s-Sindku tal-Belt Valletta, Alexiei Dingli.
Hu saħaq kif il-monument ifakkar ġrajja importanti fl-istorja ta' pajjiżna, assoċjata direttament mal-parlament, “u għalhekk żgur jistħoqlu post aktar prominenti minn dak fejn qiegħed bħalissa, appuntu viċin tal-parlament il-ġdid.”
Is-Sindku tal-Belt jemmen li mhux se tkun ħaġa faċli li jinstab dan il-post, peress li l-ispazji ġewwa l-Belt huma pjuttost limitati, b’medja ta’ iżjed minn 300 monument fi spazju tant żgħir. Fil-fehma tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, żewġ postijiet fejn jista’ jitpoġġa l-monument huwa ħdejn it-taraġ ta' maġenb il-Parlament jew fl-aħħar ta' Triq L-Ordinanza (bejn il-Parlament u Pjazza Teatru Rjal).
Is-Sindku spjega li “fiż-żewġ postijiet iridu jsiru interventi sabiex il-monument jiġi integrat mal-estetika tal-madwar. Iż-żewġ postijiet jagħtu prominenza tajba ħafna lill-monument, li jkun viżibli minn kull min jidħol il-Belt.”
“Sfortunatament huma ftit in-nies li jgawdu dan il-monument mill-isbaħ u huma ferm anqas dawk in-nies li jiftakru fl-istorja li jirrapreżenta,” kompla jispjega Dingli, li saħaq ukoll kif għandu jsir sforz biex jiġi mfakkar dak li għaddew minnu missirjietna sabiex wasalna hawn illum. “Hija tal-biki li anniversarju tant importanti fil-ġrajja ta' pajjiżna jiġi mfakkar minn ftit nies. Rilokat f’dan il-post aktar xieraq, il-qalbiena Maltin li taw ħajjithom għal pajjiżna jkunu qegħdin iħarsu l-Parlament tagħna għal dejjem,” temm jgħid mal-ILLUM Dingli.