Tal-gabbani żgumbrati

Deborah Schembri tmexxi negozjati wara li tal-gabbani ġew ordnati jiżgumbraw  - Il-Pjazza tat-Tritoni se tingħata lura lin-nies

 

Din il-ġimgħa numru ta’ sidien tal-11-il gabbana li hemm fid-daħla tal-Belt Valletta rċevew ittra mid-Dipartiment tal-Artijiet li fiha qed ikunu infurmati bi żgumbrament. Mill-ittra li rat din il-gazzetta jirriżulta li dawn is-sidien ġew infurmati li sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla, jew ħmistax minn mindu rċevew l-ittra, kellhom jiżgumbraw mill-post hekk kif il-pjani u diskussjonijiet dwar il-proġett għall-‘Pjazza Tritoni’ waslu fil-fażijiet finali.

Din l-ordni tiġi wara xhur sħaħ ta’ inċertezza, kemm dwar il-futur ta’ dawn is-sidien kif ukoll dwar il-proġett innifsu. F’kummenti mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet Deborah Schembri żvelat kif kuntrarjament għall-pjani oriġinali, il-proġett tal-pjazza se jinkorpora fih 10 gabbani. Fid-dawl ta’ dan, għaddejjin negozjati li Schembri ddiskreviethom bħala “mhux faċli” minħabba diversi fatturi, fosthom it-titli differenti tal-gabbani, li jfisser il-bżonn ta’ ftehim differenti għal numru ta’ sidien.

Minkejja dan, qalet ukoll li tinsab kunfidenti li proposta li hi se tressaq din il-ġimgħa stess għandha twassal għal żblokk u għal laqgħat mas-sidien tal-gabbani fiż-żmien li ġej. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM sostnew li huwa fl-interess tal-awtoritajiet u tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) li l-kwistjoni ma tittawalx iżżejjed u mingħajr bżonn, hekk kif il-proġett tal-pjazza għandu jkun finalizzat sal-2018.

More in Kronaka