50,000 serqa f’ħames snin

54% tal-każi rappurtati f'San Ġiljan

Bejn l-2010 u l-2015 kienu rrapurtati xejn inqas minn 50,302 serqa. Dan jagħmel din it-tip ta’ kriminalità l-aktar komuni f’pajjiżna, segwit minn ħsarat li jsiru fuq il-proprjetà tal-vittmi. Dwar dan tal-aħħar kien hemm b’kollox 19,208 każ irrapurtat fl-istess perjodu ta’ żmien.

Il-vjolenza domestika tibqa’ wkoll fost l-aktar reat komuni b’5,800 każ irrapurtat f’ħames snin. Ta’ min wieħed jinnota li n-numru ta’ rapporti dwar dan ir-reat qegħdin dejjem jiżdiedu b’659 każ lura fl-2010 u 1,205 każ fl-2015, qabża konsiderevoli ta’ 546-il każ. Dan jista’ jkun attribwit għal żieda fir-reati, imma jista’ jkun ukoll attribwit għal aktar konoxxenza u għarfien li qed iwasslu għal aktar rapporti għand il-Pulizija.

Intant, skont statistika fid-dokument ta’ Strateġija għall-Prevenzjoni kontra l-Kriminalità, San Ġiljan u Tas-Sliema jibqgħu l-aktar lokalitajiet li fihom jiġu rrapurtati każi ta’ pickpocketing. F’San Ġiljan, skont statistika għas-sena l-oħra ġew irrapurtati xejn inqas minn 54% tal-każi kollha ta’ pickpocketing, filwaqt li f’Tas Sliema ġew irrapurtati 18.5%.

 

More in Kronaka