Waqt it-titjira tal-Afriqiyah Airways li spiċċat 'hijacked' Moussa Shaha għadda ittra liċ-chief officer tal-istess titjira li fiha kien jagħmilha ċara illi jew it-titjira tibqa' sejragħal Ruma, minflok Tripli fejn kienet destinata jew inkella kienu se jisplodu l-ajruplan. Il-Qorti, fejn għaddejja l-kumpilazzjoni tal-evidenza, semgħet kif il-membri tal-ekwipaġġ kien irnexxielhom jokkonvinċu lil hijackers Libjani biex minflok Ruma jieqfu Malta.
Fil-mobile phone tal-hijacker instab pjan tal-ajruplan, flimkien ma' stampi ta' armi u bombi.
L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit mis-sezzjoni anti-terrorista tal-Korp tal-Pulizija qalu li dakinhar tal-hijacking huma kienu infurmati mill-kontrollur tal-ajru illi kien hemm arjuplan maqbud li kien se jinżel Malta, fil-fatt fil-11:30 am it-titjira kienet imwaqqfa lejn ir-runway numru 5 bil-Brigadier Jeffrey Curmi u uffiċjali oħrajn ikunu fil-control room minn fejn bdew imexxu l-operazzjoni.
Il-Qorti qed tisma' kif wara negozjati, il-passiġġera tħallew jinżlu mill-ajruplan u kif Moussa Shaha rema arma li, kif irrapurtat dakinhar stess, anke fuq dan is-sit jirriżulta li kienet replika.
Bernard Galea, wieħed mill-kontrolluri tal-ajru li kienu fuq xogħol dakinhar tal-hijack spjega kif irċieva telefonata mill-Kontroll tal-Ajru Libjan li ta d-dettalji kollha ta' xħin nieżel l-ajruplan u d-destinazzjoni li kienet intenzjonata. Fl-aħħar qallu, 'dan huwa hijack'.
Intant numru ta' Libjani leali lejn l-eks dittatur Muammar Gaddafi qed jakkużaw lil hijackers b'teatrin magħmul apposta biex jipprova jimmina dak li jsejħu maġġoranza ġdida favur l-eks dittatur.