Żewġt irġiel iweġġgħu wara li ċeda ċint

L-inċident seħħ fi Triq Wied Babu fiż-Żurrieq

Ritratt | Triq Wied Babu, Google Maps
Ritratt | Triq Wied Babu, Google Maps

Dalgħodu għall-ħabta tal-10.45 ta’ filgħodu, il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza f’residenza li tinsab fi Triq Wied Babu fiż-Żurrieq.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li żewġt irġiel, wieħed ta’ 41 sena u ieħor ta’ 72 sena, li huma residenti ż-Żurrieq indarbu wara li ċeda ċint bihom u waqgħu għoli ta’ madwar sular.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post biex jagħtu l-għajnuna. Issejjaħ ukoll tim mediku b’ambulanza li ħadu lill-irġiel l-isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard sar magħruf li r-raġel ta’ 72 sena qed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li r-raġel ta’ 41 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfif.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Kronaka