Terremot li kejjel 4.6 fuq l-Iscala Richter kien irreġistrat f'Muccia, fil-provinċja ta' Macerata fiċ-ċentru tal-Italja.
It-terremot, li seħħ kmieni dalgħodu, qajjem biża' kbira fost ir-residenti wara li terremoti li kienu laqtu ċ-ċentru tal-Italja fl-2016 kienu ħallew madwar 299 persuna mejta.
Aktar tard inħassu wkoll xi theżżiżiet oħra.
Ħadd ma weġġa' f'dan it-terremot għalkemm skont siti tal-aħbarijiet Taljani waqa' kampnar ta' knisja tas-seklu 18 u kibret ħsara f'binjiet li kienu mheżża f'terremoti oħra.
L-iskejjel baqgħu magħluqa filwaqt li qed isiru testijiet fuq diversi binjiet biex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda periklu għar-residenti.
Għal xi ħin, waqaf ukoll is-servizz tal-ferrovija.
Intant, f'kummenti lill-midja, is-Sindku ta' Muccia, Mario Baroni, qal li tqanqlet biża' u inċertezza kbira fost ir-residenti.