Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li lbieraħ tajjar u kaxkar tul it-triq lill-kuntistabbli Simon Schembri, wieġeb mhux ħati ħati li pprova joqtol uffiċjal tal-Pulizija.
Hu qed jiġi akkużat b'pataflun ta' akkużi fosthom, bl-attentat ta’ qtil ta’ Pulizija, li kkaġuna ġrieħi gravi, li ħebb għal kuntistabbli, li għamel użu minn vettura bi pjanċi foloz, li saq mingħajr liċenzja, li saq mingħajr ċintorin tas-sigurtà, li ma obdiex ordnijiet mogħtija minn Pulizija, li saq vettura mingħajr il-permess tas-sid, li rrifjuta jagħti dettalji meta mitlub minn Pulizija, li ma saqx skont ir-regolamenti tat-triq, li saq b’veloċità għolja u li kien riċediv.
Għaż-żagħżugħ dehru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li talbu għall-ħelsien mill-arrest. Minkejja dan, il-Qorti ddikkjarat li fid-dawl tal-akkużi serji ma tistax taċċetta din it-talba.
Jidher li ż-żagħżugħ huwa magħruf sewwa mal-pulizija għax mhux l-ewwel darba li nqabad isuq mingħajr liċenzja. Fil-karozza li kien qed isuq ilbieraħ nstabu xi oġġetti relatati mad-droga.
Il-kuntistabbli għadu fil-periklu tal-mewt
Sadanittant, Simon Schembri għadu fil-periklu li jitlef ħajtu minkejja l-operazzjoni li saritlu lbieraħ ftit wara li ddaħħal l-isptar.
Il-każ seħħ ilbieraħ filgħodu f’Ħal Luqa meta Schembri waqqaf liż-żagħżugħ biex jitolbu d-dokumenti tas-sewqan iżda minflok waqaf baqa’ għaddej u kaxkar lill-pulizija madwar 40 metru.
Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu li Schembri tilef idu leminija u sofra ġrieħi fil-pulmun, fil-pelvis, fil-kustilji, fost oħrajn.
Intant, is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm qiegħed jitlob għad-donazzjonijiet tad-demm ta’ kull tip.
Intant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Michael Farrugia qal li d-Dipartiment għas-Sapport lill-Vittmi u l-Police Counselling Unit, flimkien ma’ servizzi oħra, iltaqgħu u tkellmu mal-pulizija tat-traffiku wara l-inċident.
Qal ukoll li l-familja tal-vittma qed jingħataw is-sapport kollu meħtieġ.