Ġuvni ta’ 19-il sena u residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, qiegħed isofri minn ġrieħi serji, wara li kellu inċident bir-rota.
Ilbieraħ, għall-ħabta tat-8:00 p.m il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna kellu inċident bir-rota fi Triq il-Qbajjar.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li l-ġuvni, għal xi raġuni, tilef il-kontroll tar-rota li kien qiegħed isuq bil-konsegwenza li kellu impatt ma’ ħajt.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-ġuvni l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.