L-Albaniż Daniel Muka ta’ 25 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti llum akkużat bil-qtil ta' Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.
Muka ġie arrestat nhar it-Tlieta li għadda fil-Furjana.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih, fosthom li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest hekk kif huwa kien tressaq il-Qorti wkoll fuq il-każ tal-hold-up fl-istabbiliment ta' Diamonds International f'Tas-Sliema fejn kien saħanistra pprova jispara fuq uffiċjal tal-Pulizija.
L-Avukat difensur talab li Muka jkun eżaminat klinikament u jingħata l-għajnuna li għandu bżonn hekk kif fi kliemu, dan għaddej minn trawma.
Intant, Iilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-11:00pm, il-Pulizija mis-sezzjoni tar-Reati Maġġuri arrestaw raġel ieħor suspettat li kien involut fil-qtil.
Skont il-Pulizija, ir-raġel ġie arrestat f'lukanda fil-Gżira fejn kien qed jistaħba, wara li l-Pulizija għamlet jiem issegwi l-movimenti tiegħu.
Jidher li meta r-raġel innota lill-Pulizija jiċċirkondaw il-lukanda huwa pprova jaħrab iżda nqabad minnufih.
Ir-raġel qiegħed jinżamm għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.