Dalgħodu appartament fi blokka ta’ akkomodazzjon soċjali fi Triq Melintone Scerri fil-Ħamrun ħa n-nar iżda fortunatament ħadd ma weġġa' gravi.
Fi stqarrija, l-Awtorità tad-Djar qalet li offriet akkomodazzjoni temporanja lill-familji, li skont il-pariri tal-esperti ma jistgħux jgħixu fl-appartament tagħhom sakemm isiru x-xogħlijiet neċessarji li se jkunu qed isiru mill-Awtorità.
"L-Awtorità se tibqa’ f’kuntatt ma’ kull familja u se tkompli ssegwi l-każ sabiex tassigura li toffrilhom kull assistenza li jkunu jeħtieġu," saħqet l-istqarrija.
Temmet tgħid li kienet ukoll f’kuntatt kontinwu mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li qed isegwi l-aħħar żviluppi dwar il-każ.