Żagħżugħ ta' 21 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa' minn fuq is-swar tal-Imdina.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kien għall-ħabta tas-7:00pm meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħha fi Triq l-Għarreqin, ir-Rabat, għax kien hemm persuna qed tgħajjat għall-għajnuna.
Il-Pulizija sabu liż-żagħżugħ mitluq għal tulu f'għalqa.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u anke tim mediku.
Iż-żagħżugħ iddaħħal l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.