Tlett irġiel mis-Slovakkja, li allegatament issekwestraw raġel Slovakk u żammewh għal xi ħin kontra l-volontà tiegħu, ġew arrestati wara investigazzjoni konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema u tal-Qawra.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vittma, raġel ta’ 30 sena, nhar l-Erbgħa filgħaxija kien avviċinat minn tliet persuni fi Triq is-Salib, il-Mellieħa.
Wara daħluh f’karozza fi Triq il-Garżella, rabtulu idejh u minn hemm saqu sal-Aħrax tat-Tunnara, fil-Mellieħa u rabtu lill-vittma ma’ siġra fejn allegatament bdew jhedduh għall-flus b’sikkina u jtuh bil-ponn.
Wara xi ħin, it-tliet agressuri ħallew lill-vittma, reġgħu daħlu fil-karozza u ħaduh f’lukanda f’Tas-Sliema, fejn żammewh kontra l-volontà tiegħu matul il-lejl.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-għada waranofsinhar, waqt li l-vittma kien se jittieħed mill-agressuri f’post ieħor, irnexxielu jaħrab u beda jgħajjat għall-għajnuna, bit-tlett irġiel l-oħra jippruvaw iżommuh.
Persuni li kienu f’ħanut fil-viċin minnufih ċemplu lill-pulizija u fuq il-post waslu tar-Rapid Intervention Unit u arrestaw lil dawk involuti.
L-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex instabet il-vettura li allegatament intużat fissekwestru, waqt li ġew elevati oġġetti tal-vittma minn fuq it-tliet persuni l-oħra.
It-tlett irġiel se jitressqu l-Qorti llum, b’diversi akkużi, fosthom ta’ sekwestru ta’ persuna, arrest illegali, theddid, użu ta’ vjolenza u offiża fuq persuna. Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Ispetturi Ryan Mario Vella u Jessica Bezzina.