L-aħwa Adrian u Robert Agius (tal-Maksar) se jitressqu l-Qorti llejla fit-tard akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop. Dan ifisser għalhekk li sa issa se jkunu tressqu l-Qorti seba' persuni akkużati b'xi forma ta' involviment fil-qtil tal-ġurnalista f'Ottubru 2017, li huma l-aħwa Degiorgio, Vince Muscat (issa ħati), l-aħwa tal-Maksar u Yorgen Fenech. Dan apparti li kien involut Melvin Theuma, bħala sensar, u li ngħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef dak li kien jaf dwar il-każ.
Se jitressaq ukoll il-Qorti Jamie Vella, li ilbieraħ kien arrestat flimkiem mal-aħwa tal-Maksar.
It-tliet irġiel kienu arrestati lbieraħ wara li Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ammetta l-ħtija fl-assasinju ta' Caruana Galizia f'patteġġjament li rah jikkolabora mal-pulizija. Muscat ingħata sentenza ta' 15-il sena priġunerija u maħfra presidenzjali għall-involviment tiegħu fil-qtil tal-Avukat Chircop.
Is-suspettat bil-qtil ta' Caruana Galizia George Degiorgio mistenni wkoll jitressaq akkuħat bil-qtil ta' Chircop.