Żagħżugħ ta’ 21 sena ġie arrestat b’rabta ma serqa li seħħet minn ħanut li jbigħ armi tal-airsoft, munizzjon tal-istess armi u affarijiet oħra relatati.
L-affarijiet misruqa jiswew eluf ta’ ewro.
Il-Pulizija kienet infurmata bis-serqa lbieraħ, madanakollu jidher li din seħħet fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, meta ġie sgassat maħżen fi Triq il-Merħba, il-Fgura. .
Minn aktar investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija identifikat l-allegat ħalliel u r-raġel ġie arrestat mir-residenza tiegħu, fejn fid-dar instabu wkoll l-oġġetti misruqa.
Il-Maġistrat qiegħed imexxi inkjesta.