Għażla wiesgħa ta’ nbejjed ħomor, bojod u rosé magħmula minn varjetajiet ta’ għeneb lokali, kunċerti kbar minn kantanti u bands rinomati, ikel tipiku Malti magħmul dak il-ħin stess, wirjiet u kompetizzjonijiet, spettaklu ta’ dwal u chill-out area - dawn huma l-attrazzjonijiet ewlenin tal-festival tal-inbid li se jerġa’ jsir f’Ħal Qormi għall-għaxar sena konsekuttiva u li bħas-snin preċedenti mistenni jiġbed folol kbar lejn il-Belt Pinto.
Il-Qormi Wine Festival 2014 se jsir nhar il-Ġimgħa 5 u s-Sibt 6 ta’ Settembru mis-7.30pm sa nofsillejl, fejn għal din l-okkażjoni ċ-ċentru tar-raħal se jkun qed ixidd libsa festiva partikolari.
Dan il-festival issa sar attività mistennija ferm fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, u għalhekk l-organizzaturi ħasbu biex jippreżentaw żewġ serati mill-aqwa li jolqtu l-gosti tal-familja kollha. U din is-sena b’attrazzjonijiet akbar biex jitfakkar l-10 anniversarju ta’ dan l-avveniment kulturali.
Triq il-Kbira f’Ħal Qormi se tkun armata b’diversi stalls tal-inbid u ikel tradizzjonali Malti, f’atmosfera tipika ta’ festa lokali bil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ fl-isfond. Kumment li jgħaddu ħafna mit-turisti li jżuru l-Ħal Qormi għall-festival tal-inbid hu dak ta’ apprezzament għall-atmosfera mill-isbaħ li wieħed jista’ jgawdi filwaqt li jara mill-qrib aspett ieħor tat-tradizzjonijiet Maltin.
Id-dħul għal dan il-festival tal-inbid hu b’xejn. L-inbid jibqa’ jisserva sal-11.30pm.