Fi sforz biex ikompli jispira u jisfida lilu nnifsu, Samuel Scicluna minn San Ġiljan, se jitla’ fuq Monte Rosa fl-Alpi Pennini u fuq Mont Blanc fl-Alpi Graian.
Samuel, li hu l-Maniġer ta’ Tim fiċ-Ċentru tal-Kuntatt tal-HSBC UK f’Malta, iddeċieda li jidħol għal din l-avventura iebsa bis-saħħa tal-ambjent tax-xogħol inkoraġġanti fejn jaħdem li, fost affarijiet oħra, jinkludi ġimm mgħammar b’kollox li jista’ jintuża b’xejn mill-ħaddiema kollha.
Hu qal: “Il-ġimm tal-uffiċċju għeni ħafna biex nidħol għal dan il-vjaġġ fuq il-muntanji u bis-saħħa t’hekk stajt nibqa’ nitħarreġ matul is-sajf, ħaġa li kieku għamiltha bil-ġiri fuq barra fix-xemx, kienet tkunli ferm aktar diffiċli f’dan it-temp sħun.” Samuel Scicluna mar Milan biex jingħaqad ma’ tim ta’ xabbaturi oħra li fi triqithom lejn Valle D’Aosta għal Staffal Lift sal-Gnifetti Rifugio li qiegħed 3,600m ’l fuq mill-baħar.
Wara li jqattgħu jumejn fir-Rifugio jitgħallmu l-affarijiet bażiċi li għandhom ikunu jafu x-xabbaturi tal-muntanji u jitħarrġu dwar l-esperjenza ta’ altitudni għolja tal-muntanja, Samuel u t-tim għandhom iqattgħu lejl f’Margherita Hut; l-ikbar rifuġju fl-Ewropa (f’għoli ta’ 4,554m) f’tentattiv biex iħejju ruħhom għall-għoli. Imbagħad, it-tim se jsuq lejn Courmayer u jitla’ sa Punta Helbronner. Hemm se joqogħdu fit-Torino Hut f’altitudni ta’ 3,375m u jaqsmu għall-Valle Blance u għall-Cosmiques Hut (3,613m). Hawnhekk, immexxija u ggwidati minn Dr Gregory Attard, mistennija jqattgħu tlitt ijiem biex isiru midħla tat-temp u jħejju ruħhom għal fuq Mont Blanc.
It-tim qed jippjana li jkun fil-quċċata biex jara x-xemx tielgħa mill-“Bejt tal-Ewropa” (Roof of Europe) f’għoli ta’ 4,810m.