Il-Klabb tat-Tfal ta’ Hospice jirċievi l-appoġġ tal-HSBC

(Mix-xellug) Glenn Bugeja u Astrid Micallef Saliba, rappreżentanti tal-Fondazzjoni HSBC Malta jippreżentaw l-isponsorship lil Kenneth Delia u Anna Zammit mill-Hospice Malta waqt sessjoni ta’ crafts għat-tfal
(Mix-xellug) Glenn Bugeja u Astrid Micallef Saliba, rappreżentanti tal-Fondazzjoni HSBC Malta jippreżentaw l-isponsorship lil Kenneth Delia u Anna Zammit mill-Hospice Malta waqt sessjoni ta’ crafts għat-tfal

Hospice Malta qed jorganizza l-attività annwali tal-Klabb tas-Sajf għat-Tfal bl-għajnuna tal-Fondazzjoni HSBC Malta. Tfal ta’ etajiet ta’ bejn l-erba’ u 12-il sena qed jipparteċipaw fi programm ta’ ħames ġimgħat immexxi mis-social worker ta’ Hospice Malta Gloria Spiteri, mgħejjuna minn grupp ta’ voluntieri.

Il-Klabb tas-Sajf għat-Tfal ta’ Hospice Malta joffri kura u appoġġ lit-tfal li membri tal-familji tagħhom qed jirċievu s-servizzi ta’ Hospice Malta. Il-klabb jorganizza żewġ ħarġiet fil-ġimgħa filgħodu u t-tfal jipparteċipaw f’diversi attivitajiet bħal għawm, fun parks, ċinema, ħarġiet kulturali u sessjonijiet ta’ crafts. 

“Din hi l-15-il edizzjoni tal-Klabb tas-Sajf għat-tfal. Il-programm jipprovdi mistrieħ lill-familji u fl-istess waqt it-tfal jieħdu pjaċir b’attivitajiet edukattivi u jissoċjalizzaw flimkien ma’ tfal oħra f’ambjent sigur u divertenti. Dan hu possibbli grazzi għall-għajnuna mill-voluntiera dedikati tagħna kif ukoll għall-appoġġ u l-kontribuzzjoni mill-ġdid tal-Fondazzjoni HSBC Malta,” qalet Spiteri.

Il-kelliem għall-Fondazzjoni HSBC Malta esprima l-apprezzament lill-Hospice Malta u qal: “Hospice Malta qed twettaq xogħol straordinarju mal-pazjenti u l-familjari tagħhom. Il-klabb tat-tfal hu eżempju tajjeb ta’ kif Hospice Malta toffri b’suċċess l-appoġġ olistiku lill-familja kollha.” 

Hospice Malta hi organizzazzjoni volontarja u ‘not-for-profit’ li toffri kura biex ittaffi t-tbatija tal-persuni morda bil-kanċer, ibatu mill-marda ta’ motor neurone, jew f’każ ta’ mard fi stadju avvanzat fil-kliewi, u mard terminali ieħor. Kull sena, Hospice Malta tagħti għanjuna lil aktar minn 900 pazjent u lill-familji tagħhom. Wieħed jista’ jikseb aktar tagħrif dwar is-servizzi ta’ Hospice permezz tas-sit www.hospicemalta.org. 

More in Kummer?jali