Vidjo animat u umoristiku dwar is-sigurtà abbord l-Air Malta

Il-vidjo għandu Kavallier bħala protagonist u omm u iben li jkunu bilqiegħda maġenbu fuq l-ajruplan
Il-vidjo għandu Kavallier bħala protagonist u omm u iben li jkunu bilqiegħda maġenbu fuq l-ajruplan

Kavallier animat huwa l-protagonista tal-vidjo ġdid tal-Air Malta dwar is-sigurtà waqt it-titjiriet. Dan il-vidjo ġie mniedi riċentament abbord il-flotot tal-ajruplani Airbus A320 u A319 tal-linja tal-ajru.

B’konformità ma’ linji tal-ajru internazzjonali oħrajn, l-Air Malta bidlet il-vidjo dwar is-sigurtà abbord li tuża s-soltu sabiex minfloku bdiet turi filmat aktar kreattiv sabiex tgħarraf lill-passiġġieri dwar is-sigurtà abbord l-ajruplani tagħha. 

“Is-sigurtà hija l-prijorità ewlenija tagħna. Din is-sena ddeċidejna li nagħtu dehra ġdida lill-vidjo tas-sigurtà tagħna sabiex nagħmluh aktar attraenti u divertenti għall-udjenza, billi tajnieh ton aktar pjaċevoli. Bl-użu ta’ karattru kariżmatiku fir-rwol ta’ Kavallier ta’ San Ġwann, aħna stajna nkomplu nsegwu l-enfasi tal-Air Malta li ssir il-linja tal-ajru tad-destinazzjoni, kif ukoll ambaxxatriċi u gwida għal dak li għandhom x’joffru l-gżejjer Maltin, filwaqt li nkomplu nenfasizzaw element ieħor tal-patrimonju Malti,” qal il-Kap Uffiċjal tal-CargoSystems u tal-Ekwipaġġ, Manuel Agius.

Il-vidjo huwa mmirat biex jgħarraf lill-passiġġieri abbord it-titjiriet tal-Air Malta dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ajruplani. Il-kavallier, imlibbes b’armatura kulur il-fidda, jgħaddi mill-proċeduri kollha li jiżguraw is-sigurtà abbord.

Il-kavallier l-ewwel juri proċeduri ta’ sigurtà bażiċi li jispjegaw fejn u kif għandhom jitqiegħdu l-bagalji u kif il-passiġġieri għandhom jaqflu ċ-ċinturini tas-sigurtà. Il-vidjo mbagħad ikompli b’aktar informazzjoni dwar x’għandhom jagħmlu l-passiġġieri f’każ ta’ emerġenza, indikazzjoni tal-postijiet għall-ħruġ f’każ ta’ emerġenza u kif għandhom jintużaw il-ġkieket tas-salvataġġ u l-maskri tal-ossiġnu.

Il-vidjo jinkludi wkoll ir-regolamenti li ġew approvati riċentament mill-Air Malta li jippermettu lill-passiġġieri jħallu t-telefons ċellulari u t-tablets tagħhom mixgħulin fuq flight mode matul il-ħin kollu tat-titjira.

Il-vidjo dwar is-sigurtà waqt it-titjira abbord l-ajruplan Airbus A319 jista’ jiġi segwit hawnhekk: https://www.youtube.com/watch?v=PjjfdOCA3_Q

More in Kummer?jali