Biex tfakkar l-10 anniversarju minn meta saret kumpanija, l-impjegati ta’ Atlas Group ingħataw jumejn żejda leave, biex jintużaw waqt xogħol volontarju ma’ organizzazzjoni tal-karità tal-għażla tagħhom. Din tħabbret waqt it-tieni edizzjoni ta’ Atlas Day, ġurnata sħiħa ddedikata għat-taħriġ u żvilupp tal-impjegati. Din l-attività ġiet segwita mill-BBQ annwali tal-Atlas Group, fejn lill-ħaddiema ngħataw l-opportunità li jgawdu l-kumplament tal-ġurnata f’atmosfera rilassanti.
“Parti mill-viżjoni tal-kumpanija tagħna hi li naħdmu wkoll għal skopijiet lil hinn mill-profitt. Għalhekk inħossu li din l-inizjattiva qed timxi f’din id-direzzjoni, billi nagħtu xi ħaġa lura lill-komunità u ngħinu lil dawk li għandhom bżonn l-appoġġ tagħna,” qal Michael Gatt, is-CEO ta’ Atlas Group.
Avolja Atlas ilha kumpanija għaxar snin, l-istorja tmur lura ħafna iktar. Huwa mifhum li l-kumpaniji preċedenti li llum jifformaw Atlas Group, kienu diġà qed joperaw bejn l-aħħar tas-seklu tmintax u l-bidu tas-seklu li għadda. Iżda l-ewwel evidenza dokumentata tmur lura għal bidu tas-seklu dsatax, meta t-tliet kumpaniji oriġinali ngħataw l-aġenziji ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni Ingliżi f’Malta.
Matul is-snin, dawn il-kumpaniji ngħaqdu u ġiet stabbilita Atlas Group, b’Atlas Insurance PCC Ltd bħala l-kumpanija prinċipali, kif ukoll Atlas Healthcare Agency Ltd, Ark Insurance Brokers, Ark Insurance Management PCC Ltd u Jesmond Mizzi Financial Advisors Ltd.