Logo ġdid għad-Dar tal-Providenza

Sean Cini jingħata trofew għad-disinn ta’ logo ġdid għad-Dar tal-Providenza
Sean Cini jingħata trofew għad-disinn ta’ logo ġdid għad-Dar tal-Providenza

“Illum nitkellmu fuq il-mudell soċjali tad-diżabbiltà fejn flok ma naraw id-diżabbiltà bħala nuqqas, narawha bħala differenza. L-enfasi tal-mudell soċjali tad-diżabbiltà hi fuq il-persuna u l-abiltajiet tagħha u mhux fuq in-nuqqas.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fl-okkażjoni tal-għoti ta’ trofew lir-rebbieħ u ċertifikati lil dawk kollha li ħadu sehem fil-kompetizzjoni għal disinn ta’ logo ġdid. 

Huwa żied jgħid li llum nisħqu li l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà tista’ titjieb biss jekk tinbidel l-attitudni tas-soċjetà u mhux jekk l-individwu jbiddel lilu nnifsu. Huwa għalhekk li llum naċċettaw il-fatt li m’għandna l-ebda dritt li niddominaw il-ħajja ta’ persuna b’diżabbiltà bid-deċiżjonijiet tagħna – il-persuna b’diżabbiltà għandha kull dritt li tgħid x’tixtieq u x’taħseb li hu l-aħjar għaliha u dawn ix-xewqat għandhom jiġu rispettati. Fr Martin qal li jemmen li l-logo il-ġdid jirrifletti dan u xtaq jifraħ lil Sean Cini li rnexxielu joħroġ dan kollu fid-disinn frisk tiegħu. Dan il-logo ġdid beda jintuża flok il-logo l-ieħor għaliex kien logo li jirrifletti l-mentalità ta’ kif is-soċjetà ta’ ħamsin sena ilu kienet tħares lejn il-persuni b’diżabbiltà. 

Cini ngħata trofew għad-disinn il-ġdid tiegħu għad-Dar tal-Providenza. It-tmienja u erbgħin parteċipant fil-kompetizzjoni ngħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni mill-Arċisqof Pawlu Cremona f’attività li saret fid-Dar stess fis-Siġġiewi. Fis-26 ta’ Settembru 2013 id-Dar tal-Providenza kienet għamlet sejħa għal disinn ta’ logo ġdid li jirrifletti l-viżjoni, il-missjoni u l-valuri tagħha in konnessjoni mat-tħejjijiet li qed isiru biex is-sena d-dieħla jitfakkru l-50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza minn Mons Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965. 

F’messaġġ qasir, l-Arċisqof qal li l-Knisja permezz tad-Dar tal-Providenza rat li l-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna jinħarġu fil-beraħ mill-kantini li bosta minnhom kienu jinżammu fihom. Illum aktar qed niffokaw fuq l-abbiltà ta’ dawn il-persuni milli fuq id-diżabbiltà tagħhom.

Sean Cini, li għandu 26 sena, huwa artist żagħżugħ b’talent frisk u promettenti ħafna fl-Arti Viżwali u d-Disinn Grafiku. Huwa jispeċjalizza f’xogħlijiet tal-arti semi astratti u espressjonisti. Ix-xogħlijiet tiegħu li huwa jiżviluppa fuq diversi mezzi artistiċi joħorġu diversi emozzjonijiet u espressjonijiet l-aktar fil-movimenti differenti tal-figura tal-bniedem. Illum il-ġurnata, Sean jaħdem fid-Dipartiment tal-Marketing tal-MaltaPost bħala disinjatur grafiku.

More in Kummer?jali