Investituri jitgħallmu dwar il-vantaġġi u r-riskji tal-prodotti finanzjarji
L-ewwel konferenza f’Malta dwar l-edukazzjoni għall-investituri
More in Kummer?jali
L-ewwel konferenza f’Malta dwar l-edukazzjoni għall-investituri
Il-Malta Funds Industry Association u FinanceMalta ngħaqdu flimkien biex jorganizzaw konferenza dwar l-edukazzjoni għall-investituri – Żomm Ruħek Infurmat – Investi bil-Ħsieb u bil-Għaqal – li se tittella’ fit-22 ta’ Ottubru fil-Grand Hotel Excelsior, il-Belt Valletta fil-5.30 pm.
L-għan ta’ din il-konferenza, li hija l-ewwel waħda tax-xejra tagħha f’Malta u li hija b’xejn għall-investituri, huwa li tassisti lil dawk li jixtru investimenti biex itejjbu l-għarfien tagħhom dwar il-klassijiet ta’ assi differenti u l-livelli tar-riskji marbuta magħhom, kif ukoll biex jgħarfu jagħżlu minn fost il-bosta prodotti finanzjarji fuq is-suq.
Il-konferenza se tkun indirizzata minn għadd ta’ kelliema li huma esperti fil-qasam tal-investimenti u jinkludu rappreżentanti mill-College of Stockbrokers, il-Malta Bankers Association, l-Association of Insurance Brokers, il-Malta Funds Industry Association, il-Malta Association of Small Shareholders, il-Borża ta’ Malta u l-Awtorita’ Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji. Il-kelliema u dawk li se jkunu fuq il-panel se jipprovdu lil dawk li jattendu l-konferenza b’ħarsa ġenerali u sempliċi dwar is-swieq finanzjarji u l-klassijiet tal-assi prinċipali, bħal flus kontanti, bonds u equities, il-karatteristiċi u r-riskji tagħhom, il-modi differenti kif investituri jistgħu jakkwistaw dawn il-klassijiet ta’ assi, pereżempju permezz ta’ investiment dirett, fondi ta’ investiment jew prodotti tal-assikurazzjoni msejħa unit-linked.
Temi oħra li se jiġu diskussi waqt din il-konferenza jinkludu l-importanza li tinvesti fi klassijiet ta’ assi differenti u li tfittex parir għaqli dwar l-investiment li tkun se tagħmel biex tiżgura li l-investimenti jilħqu l-miri tal-investitur.
Kenneth Farrugia, Chairman ta’ FinanceMalta u l-Malta Funds Industry Association, qal: “Huwa fatt magħruf li ħafna nies m’għandhomx l-edukazzjoni meħtieġa biex jifhmu l-prodotti ta’ investimenti differenti li jeżistu fuq is-suq li jistgħu jassistu l-investituri jfaddlu u jinvestu ġidhom għal iktar tard meta jirtiraw. L-edukazzjoni finanzjarja hija pilastru strateġiku ewlieni tal-Malta Funds Industry Association u flimkien ma’ seduti ta’ edukazzjoni tekniċi, dan l-avveniment, li huwa ppjanat li jiġi organizzat kull sena, se jipprovdi lill-investituri bl-opportunità li jiksbu informazzjoni dwar l-investimenti biex jieħdu deċiżjonijiet infurmata biex ikabbru flushom.”
Il-konferenza qed tiġi mwaqqfa bl-appoġġ ta’ l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, il-Borża ta’ Malta, Bank of Valletta plc, MSV Life u Valletta Fund Management Limited.
Dawk il-parteċipanti interessati li jieħdu sehem fil-konferenza huma mħeġġa’ jirreġistraw sal-20 ta’ Ottubru 2014 b’mod elettroniku fuq http://www.financemalta.org/investorconference jew iċemplu fuq 2122 4525 biex iżommu post.