Ian Decesare ċ-ċerman tal-Eden Leisure Group ħabbar li l-grupp se jagħmel investiment kbir li se jiswa €31 miljun f'erba' proġetti separati. Malli jitlestew dawn il-proġetti mistennija jħaddmu madwar 300 persuna 'full time'.
Decesare ħabbar li l-Intercontinental Hotel se jkollha estensjoni ta' 32 'luxury suites' ġodda u għal dan il-għan se tingħalaq għall-perjodu ta' tliet xhur. L-istaff kollu se jinżamm u se tittieħed l-opportunità biex jieħdu taħriġ aktar intensiv flimkien mal-istaff il-ġdid li mistenni jibda jaħdem f'din il-lukanda li se tingħata libsa ġdida. Dan qed isir għax it-turisti li ġejjin Malta qed ifittxu aktar kwalità u l-istess kwalità tiġbed turisti ta' klassi għolja. Dawn is-suites se jkunu uniċi f'Malta u dan se jiftaħ suq ġdid ta' turiżmu lejn Malta. Ix-xahar id-dieħel mistenni jibda x-xogħol li għandu jkun lest sa tmiem is-sajf li ġej.
Se jinbena casino ta' klassi għolja miftuħ fuq 2,000 metru kwadru fejn barra l-logħob se jkun post għal divertiment b'wirjiet 'live'. Il-casino se jitmexxa minn kumpanija li topera casinos f'seba' pajjiżi oħra Ewropej u hi pubblikament fil-lista ta' żewġ boroż ta' stocks (stock exchanges). Anke dan mistenni li jibda jitħaddem sas-sajf 2015.
It-tielet proġett hu lukanda ġdida mill-katina Internazzjonali ta' Holiday Inn Express li se tinbena flok fejn illum hemm il-Hostel Giorgiani. Din se jkollha 100 kamra u li se titmexxa mill-grupp tal-Intercontinetal Hotels. Iż-żewġ lukandi se jkunu mqabbdin ma' xulxin biex jkunu jistgħu jużaw l-istess car park għal vannijiet tal-merċa u anke għal karrozzi tal-ħaddiema u dan żgur li se jnaqqas mit-traffiku fl-istess triq. Din il-lukanda mistennija titlesta sal-aħħar tas-sena 2015.
Ir-raba' proġett hu l-Bay Arena li se tingħata dehra ġdida u li għandha tkun lesta x-xahar d-dieħel. Din se jkollha seba' swali għal konferenzi bi proġezzjoni ta' skrins ta' 60 ċentimetru l-wieħed u sala ġdida kompletament li tieħu 1,200 persuna bilqiegħda. L-installazjonijiet tekniċi se jkunu tal-ogħla livell li jinkludi fibre optic cabling għal konnettività effiċjenti u veloċi u CAT 7 cabling li joffru stazzjonijiet tal-iPad u iPhone.
Dawn il-proġetti mistennija jibbenefikaw sew l-istess kumpanija u anke Malta għax se jkun hemm 'upgrading' tal-prodott li għandu jiġbed turisti ta' ċertu kalibru lejn pajjiżna. Barra hekk dawn il-proġetti se jgħinu biex jinħolqu 300 impjieg ieħor flimkien mal-450 impjegat li l-kumpanija tħaddem.