General Soft Drinks tersaq iktar lejn il-pubbliku online

The General Soft Drinks Co. Ltd (GSD) nidiet websajt ġdida, www.gsd.com.mt, biex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett fl-industrija tal-manifattura

The General Soft Drinks Co. Ltd (GSD) nidiet websajt ġdida, www.gsd.com.mt, biex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett fl-industrija tal-manifattura.

Is-sit huwa punt ta’ riferiment online li dejjem qed iżid fil-popolarità fost il-pubbliku u hija ddisinjata b’mod li jagħmilha faċli li tintuża fuq il-mezzi kollha tat-teknoloġija, mill-mobile għad-desktop computers.

Il-websajt ġdida tippermetti lill-klijenti u konsumaturi mhux biss li jsibu tagħrif dwar il-GSD u s-servizzi u l-prodotti li toffri permezz ta’ ftit clicks, iżda tipprovdi wkoll aċċess dirett, pereżempju, biex wieħed jibbukkja żjara fil-World of Coca-Cola Malta, kif ukoll biex wieħed japplika għal xogħol mal-kumpanija.

“Il-websajt hija maħduma b’tali mod li jirrifletti l-pożizzjoni tagħna bħala kumpanija kompletament Maltija u stabbilita sew, li tirrappreżenta wħud mid-ditti l-iktar rinomati fid-dinja,” qalet iċ-Chief Operating Officer Maria Micallef.

Ħarsa lejn il-websajt tal-GSD turik x'inhi tagħmel il-kumpanija biex tnaqqas l-impatt ambjentali, pereżempju permezz tal- Alter Aqua, programm għall-immaniġġjar aħjar u iktar effiċjenti tal-ilma kif ukoll ta’ edukazzjoni.

L-innovazzjoni online hija pass naturali għal kumpanija li għamlet l-innovazzjoni bħala l-filosofija tagħha tul l-istorja minn kemm ilha mwaqqfa. Fil-bidu kienet tniedi ditta kull għaxar snin, meta kienet ġiet introdotta f’Malta x-xarba magħrufa mad-dinja kollha l-Coca-Cola fl-1952, imbagħad bil-Fanta fis-sittinijiet u l-iSprite fis-sebgħinijiet. Id-diversifikazzjoni żdiedet fl-aħħar tat-tmeninijiet bl-introduzzjoni tal-verżjonijiet dietetiċi tal-luminati popolari, kif ukoll il-Kristal, l-ilma li pproduċiet il-kumpanija stess u li mbagħad inxtrat minn The Coca-Cola Company.

Il-kumpanija kabbret il-portafoll tagħha fid-disgħinijiet meta introduċiet in-Nestea fuq is-suq lokali, kisbet id-drittijiet għad-distribuzzjoni tal-birra Stella Artois, u introduċiet pre-mix u post-mix packaging għal-luminati popolari tagħha. Minn dak iż-żmien, il-kumpanija kompliet tiddiversifika billi introduċiet il-Kristal Frutaqua, għażla ta’ ilma bbottiljat b’togħma ta’ frott u mingħajr kaloriji, u żiedet l-Evian, Schweppes, Cappy Juices, Café Mauro, Heineken fil-kegs, l-ilma Llanyllr, il-birra Berlin u l-energy drinks Monster mal-portafoll tagħha ta’ ditti magħrufa.

Dan ma tellifx lill-General Soft Drinks milli żżomm iffukata fuq ir-responsabbiltajiet tagħha. “Aħna nimmaniġġjaw l-assi, il-proċessi u s-servizzi tagħna b’mod sostenibbli. Irridu nħarsu u nipproteġu l-ambjent, nibżgħu għall-ġid tal-komunita’ u l-ħaddiema, is-suppliers, il-klijenti u l-konsumaturi tagħna. Il-websajt il-ġdida hija għodda biex tgħinna naħdmu flimkien,” qalet Ms Micallef.

More in Kummer?jali